Malta Football Association
NEWS:
Kunsill MFA għal Mejju 2016
May 23, 2016
Posted in:
General
Fanzone

Mark Attard, Media Officer

 

Norman Darmanin Demajo, President tal-Malta Football Association, fetaħ il-laqgħa tal-Kunsill billi qal li l-MFA ħolqot edizzjoni limitata ta' key-chains tal-FA Trophy il-ġdida. Din tqassmet fl-MFA Awards 2016 li saru l-Ġimgħa filgħaxija. 

 

Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali tal-MFA, stieden lil Mario Grima, Membru tal-Kunsill f'isem Rabat Ajax FC biex jippreżenta l-ktieb 'The Rabat Ajax Football Club Story'. Darmanin Demajo radd il-ħajr lill-klabb Rabti u ħeġġeġ lill-klabbs kollha biex jagħmlu l-istess.


Darmanin Demajo ta spjega ċara fuq Michel Platini, l-eks-President tal-UEFA. Hu qal li kien iltaqa' l-aħħar darba ma' Platini xi 10 t'ijiem qabel ma reġa' deher biex jinstema' l-każ tiegħu. Darmanin Demajo qal li Platini kien kunfidenti li joħroġ illiberat mill-akkużi li kellu kontrieh iżda s-Smiegħ tiegħu reġa ddeċieda li jissospendih għal erba' snin. Il-President tal-MFA qal li din id-deċiżjoni aktarx tfisser it-tmiem tal-karriera ta' Platini. Darmanin Demajo iddeskrieva lil Platini bħala raġel li dejjem sabu ta' appoġġ u kien ta' għajnuna kbira għall-MFA. Hu qal li minbarra r-relazzjoni personali li kellhom huma t-tnejn, bejn Platini u Malta kien hemm rabta u mħabba speċjali u minn dan il-lat Malta u l-MFA se tkun tilfet persuna mill-iktar importanti. L-elezzjoni tal-UEFA għall-kariga ta' President se ssir fl-14 ta' Settembru li ġej.

 

Darmanin Demajo reġa' wera r-ritratt tal-FA Trophy il-ġdida li se tibda tintrebaħ mis-sena d-dieħla. Hu qal li fuq din it-Tazza hemm opinjonijiet differenti iżda hu ċert li meta tindara wieħed se jkun jista' jara u jifhem sew is-sbuħija tagħha. "L-FA Trophy inħadmet fl-Ingilterra minn persuni li ħadmu fuq l-FA Cup Ingliża u ċert li jafu x'qegħdin jagħmlu," qal Darmanin Demajo.

 

Vassallo qal li l-MFA irċiviet notifika mingħand il-FIFA fejn infurmaw li l-pajjiżi membri mal-FIFA telgħu għal 211 minn 209. Dan wara l-inklużjoni tal-Kosovo u Ġibilta'.

 

Bjorn Vassallo qal li James Mercieca, plejer ta' Vittoriosa Stars FC, ġie sospiż sitt xhur mill-Bord tat-Tixħim u l-Imħatri Llegali tal-MFA wara ksur ta' regolamenti varji relatati ma' imhatri fuq loghob tal-futbol lokali. Vassallo fakkar li l-ebda plejer Malti membru tal-MFA ma jista' jilgħab fuq imħatri fuq il-partiti tal-futbol. Vassallo qal ukoll li Mercieca appella minn din is-sospensjoni u l-appell għad irid jinstema'.

 

Fl-aħħar tal-Kunsill, intwera filmat fuq kif se jkun il-wiċċ ġdid tal-istadium nazzjonali f'Ta' Qali. Ix-xogħol fuqu se jibda wara l-partita bejn l-Italja u l-Iskozja li se tintlagħab il-Ħadd 29 ta' Mejju. Il-membri tal-Kunsill laqgħu dan il-filmat b'entużjażmu kbir.

 

Darmanin Demajo, fl-aħħar tal-laqgħa, ħabbar li l-Laqgħa Ġenerali se ssir fl-aħħar ta' Lulju u li fiha se ssir l-elezzjoni tal-amministrazzjoni. Il-President tal-MFA qal li ħaseb ħafna fuq il-pożizzjoni tiegħu personali u jekk għandux jerġa' jikkontesta din l-elezzjoni biex jekk ikun konfermat ikollu tliet snin oħra jmexxi l-futbol f'pajjiżna. Il-President tal-MFA qal li dejjem ħass li għandu l-fiduċja tal-maġġoranza tal-Membri tal-Kunsill tal-MFA għalkemm qatt ma tkun faċli tmexxi Assoċjazzjoni kbira hekk. Darmanin Demajo, fost ċapċipa tas-sala, qal li se jerġa' joffri ruħu għal tliet snin oħra Presidenza, u jekk jiġi elett se jkunu l-aħħar tliet snin tiegħu.

"Imbagħad ikun wasal iż-żmien li l-MFA ikollha bidla," qal Darmanin Demajo.

Official Sponsors
Commercial Partners