Archives

It-tim nazzjonali jasal l-Awstrija

Published: 25-05-2016 19:30
image1 (102)
image2 (33)
image3 (16)
image4 (101)
image5 (118)
image6 (142)
 Mark Attard, Media Officer It-tim nazzjonali Malti, illum wara nofsinhar wasal f’Worgl, l-Awstrija, wara vjaġġ li beda dalgħodu għal ħabta tad-8.45am, b’titjira diretta lejn Munich, il-Ġermanja, biex minn hemmhekk, vjaġġ ta’ kważi sagħtejn wassal lill-kontinġent fil-lukanda fejn jinsab alloġġjat.  It-tim Malti tħarreġ għal ħabta tal-5.00pm f’kumpless sportiv viċin il-lukanda u s-sessjoni damet ftit aktar minn siegħa. Pietro Ghedin, kowċ nazzjonali u Ray Farrugia, l-assistent tiegħu, komplew josservaw il-kundizzjoni tal-plejers kollha biex finalment jagħmlu l-għażla tagħhom għall-ewwel partita ta’ ħbiberija li tintlagħab il-Ġimgħa 27 ta’ Mejju, kontra r-Repubblika Ċeka, fis-6.00pm. Fuq il-parti l-oħra tat-taħriġ, Charles Sciberras għamel eżerċizzji importanti ħafna liż-żewġ gowlkipers nazzjonali filwaqt li Luca Pagani ħadem mal-grupp li jikkonsisti f’20 plejer fuq il-parti fiżika. It-tim nazzjonali Malti jistrieħ għal kumplament tal-lejla, bl-ikla ta’ filgħaxija li tkun fit-8.00pm u għada jkollu t-tieni sessjoni ta’ taħriġ li tibda fl-10.00am. Din se tkun l-ewwel partita minn tnejn li se tilgħab Malta. It-tieni partita tintlagħab it-Tlieta 31 ta’ Mejju fit-8.30pm, fi Klagenfurt, kontra l-Awstrija. Il-kontinġent jasal lura Malta l-Ħamis 2 ta’ Ġunju għal ħabta tal-10.00pm.