Malta Football Association
NEWS:
Il-Maltin joħorġu bl-unuri u ċ-ċapċip tal-Arena
Jun 1, 2016
Posted in:
General
National Team
Friendlies
Ritratt: Paul Zammit Cutajar
Ritratt: Paul Zammit Cutajar

  • Ritratt: Paul Zammit Cutajar

Mark Attard, Media Officer

 

“Malta ħarġet bl-unuri kollha. Prosit lilkom.” Dawn is-sitt kelmiet maqsuma f’żewġ sentenzi kienu fuq fhomm kull Awstrijakk fil-kontinġent tal-avversarji tagħna li jekk xi darba ħasbu li kienu se jumiljawna b’xi skor farsesk, wara l-partita tar-Repubblika Ċeka, agħarralhom bil-kbir!

 

Malta tilfet bi skor ristrett ta’ 2-1 partita li bdiet ħażin ferm billi sofrejna żewġ gowls mal-ewwel 18-il minuta. Iżda minn hemm ’il quddiem, il-plejers tagħna bħal donnu ġew konxji li kienu kapaċi aktar minn hekk, u minnhom ħareġ l-aqwa, taw kull ma setgħu, biex fl-aħħar mill-aħħar, iċ-ċapċip tal-Worthersee Arena kien indirizzat lejhom biss. Għal dawk il-ftit sekondi, wieħed seta’ jħossu kburi ta’ vera li Malti. Għal dawk il-ftit sekondi, il-poplu Awstrijakk preżenti fl-istadium, ożanna lill-plejers tagħna, u skartaw għal kollox l-idoli ta’ pajjiżhom, li f’għajnejn id-dinja tal-futbol, plejer wieħed biss għandu valur ħafna aktar mit-tim nazzjonali Malti kollu.


 

Wieħed ma jistax jinsa l-fatt li l-plejers tagħna ngħaqdu f’irtir wara aktar minn ġimgħatejn li spiċċa l-istaġun tal-futbol f’Malta. F’sens li l-plejers ta’ Malta ma nġabrux mill-ewwel kif għamlu dawk tal-Awstrija u tar-Repubblika Ċeka biex il-ġimgħa d-dieħla jmorru Franza jilagħbu l-Kampjonat Ewropej 2016.

 

Għal dan it-training camp fl-Awstrija, u anki għall-partita tal-ġimgħa l-oħra kontra r-Repubblika Ċeka, it-tim nazzjonali Malti kellu jgħaddi mingħajr plejers importanti tal-kalibru ta’ Andre’ Schembri, Steve Borg, Jonathan Caruana u Andrew Hogg. Aktar minn ċert li b’dawn l-erbgħa fl-iskwadra, u bil-plejers attwali fl-aqwa forma tagħhom, partiti bħal tal-bieraħ stajna anki ħadna xi ħaġa minnha.

 

Għaldaqstant, meta wieħed jieħu in-konsiderazzjoni dan kollu, ma tistax ma tfaħħarx dan il-grupp li beda jaħdem bis-sħiħ minn issa biex ikollu l-aħjar wirjiet possibbli fil-partiti tal-Grupp ta’ Kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja, li jibdew minn Ottubru li ġej.

 

L-għajta tat-18,000 spettatur preżenti għamlet atmosfera elettrifikanti qabel ma bdiet il-partita u anki kull meta l-Awstrija attakkaw u ħolqu periklu lejn il-lasti tagħna. Tant li domna 4 minuta biex ħassejna l-istadium se “jitqaċċat” bl-għajjat.

 

Henry Bonello irċieva back pass u lagħab il-ballun mill-ewwel fuq Andrei Agius li fl-uniku żball u indeċiżjoni li kellu fil-partita tilef il-kontrall tiegħu, u l-plejer Marko Arnautovic ta’ Stoke City ma ħafirx b’aktar min-nofs lasta vojta.

 

Il-Maltin inħasdu. Kien gowl li ħadd ma stenna...bħal qisu barmil kiesaħ silġ fuqhek wara xi siegħa fis-sawna. Il-pressjoni tal-avversarji ma naqsitx u fit-18-il minuta wasal it-tieni gowl b’azzjoni bejn tliet plejers li b’ħeffa kbira, il-ballun wasal f’saqajn Alessandro Schopf li elimina fuq il-ġirja lil Zach Muscat u b’xutt fil-baxx għeleb lil Bonello għat-tieni darba.

 

Minn hemm ’il quddiem, il-Maltin għalqu tajjeb u ma tawx ċans ieħor ta’ skor lil Awstrija. Andrei Agius bħal donnu nesa’ l-iżball tal-bidu u fih reġgħet dehret il-kunfidenza solita’ li tagħmlu fost l-aqwa difensuri tal-futbol Malti fl-aħħar snin. Wieħed ma jistax ma jfaħħarx ukoll lil Ryan Camilleri u Clifford Gatt Baldacchino, b’dan tal-aħħar jagħti qalbi kollha u jtajjar kull ballun li resaq lejh biex ħelisna minn ħafna aktar saram li seta’ sarraf f’dannu aktar serju.

 

Fit-tieni taqsima ħarġet aktar il-grinta u d-determinazzjoni tal-Maltin. Taw daqs kemm qalgħu u qasmu l-pussess tal-ballun daqs l-avversarji li “jiswew il-miljuni” u li kollha jilagħbu ma’ “top clubs” fl-Ewropa.

 

Clayton Failla ġera mili sħaħ fuq il-linja xellugija u kien proprju hu li f’nofs it-tieni taqsima seta’ skorja l-gowl li kien jiftaħ il-partita beraħ b’xutt angolat li għarax il-lasti l-wieqfa b’Ryan Camilleri jkun sekonda tard biex seta’ jonfoħ il-ballun fix-xibka.

 

Aktar ma għadda ħin aktar żidna l-pressjoni fuq l-avversarji tagħna u hawnhekk kompliet toħroġ il-klassi ta’ Luke Gambin, plejer ta’ Barnet FC fl-Ingilterra, li wera li teknikament kapaċi u bravu daqs il-plejers tal-ewwel faxxa. Flimkien ma’ Bjorn Kristensen, Gareth Sciberras u Roderick Briffa ħadmu kemm felħu biex jippruvaw f’xi ħin jiżmarkaw lil Jean Paul Farrugia li iżolat waħdu fl-attakk ma setax jagħmel mirakli.

 

Fl-aħħar tliet minuti, u grazzi għall-pressjoni tal-Maltin fuq l-avversarji, ġejna premjati b’auto gowl klassiku skurjat mill-akbar idolu tal-futbol Awstrijakk fil-mument, David Alaba. Il-plejer ta’ Bayern Munich irċieva ballun mingħand il-gowlkiper f’tarf il-kaxxa u pressat minn Michael Mifsud, lagħab il-ballun lura mingħajr ma ħares, mingħalih lill-gowlkiper stess, li nqabad barra minn postu u sakemm ġera wara l-ballun u laħqu, kien diġa qabeż il-linja l-bajda biex għamel l-iskor 2-1.

 

Il-pubbliku preżenti nfexx f’ibbuwjar ta’ ftit sekondi lejn it-tim Awstrijakk li minkejja l-aħħar sforzi biex forsi jiskurjaw gowl ieħor, kollox baqa’ kif kien.

 

It-tisfira finali ġabet “il-prosit” lill-plejers Maltin mill-plejers tal-Awstrija u ċ-ċapċipa b’saħħitha tal-ispettaturi preżenti lejn it-tim Malti li l-Ħamis jerġa’ lura d-dar, filwaqt li dak Awstrijakk jitlaq lejn Franza għall-Kampjonati Ewropej 2016.      

 

Malta - Bonello (Haber), Muscat Z, Sciberras (Muscat R), Agius, Gambin, Failla, Briffa, Farrugia (Mifsud), Camilleri (Pisani), Kristensen (Cremona), Gatt Baldacchino

Official Sponsors
Commercial Partners