


Mark Attard, Media Officer
Norman Darmanin Demajo, President tal-Malta Football Association, sellem lil dawk kollha preżenti għall-aħħar Kunsill tal-istaġun. Hu rringrazzja lil dawk kollha li għalihom din se tkun l-aħħar Laqgħa għax għal xi raġuni jew oħra mhux se jibqgħu Membri tal-Kunsill mill-istaġun li ġej. Dan ifisser li l-Laqgħa tal-Kunsill li jmiss tkun l-ewwel waħda tal-istaġun il-ġdid 2016/17.
Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali tal-MFA, fakkar lill-klabbs kollha li għada l-Erbgħa, fl-4.00pm, fl-Excelsior Hotel, se jittellgħu l-poloz tal-istaġun il-ġdid. Dawn il-poloz se jkunu tal-Kampjonati BOV tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Diviżjoni. Vassallo fakkar li l-poloz tal-Kampjonat BOV Premier ittellgħu diġa' fl-20 ta' Mejju fis-serata tal-MFA Awards.
Il-Kunsill laqa' t-talba ta' Mtarfa FC u Ta' Xbiex FC biex jerġgħu jkunu parti mill-MFA u jilagħbu fil-Kampjonat li ġej. It-talba ġiet approvata u sekondata, għaldaqstant, iż-żewġ klabbs se jkunu fl-urna tal-poloz li se jittellgħu għada wara nofsinhar.
Is-Segretarju Ġenerali tella' fuq l-iscreens tal-kamra il-membri tal-Management Committees għall-approvazzjoni tal-kamra. Ma kien hemm l-ebda problema fuq xi individwi għajr xi mistoqsijiet żgħar li ġew imwieġba mill-ewwel. Għaldaqstant l-ismijiet fil-Kumitati tal-klabbs ġew approvati kollha.
Vassallo qal li ltaqa' l-Bord ta' Dixxipplina fuq każ ta' plejer ta' Santa Lucia FC fil-partita tagħhom kontra Għaxaq FC. Il-plejer waħel sentejn sospensjoni.
Darmanin Demajo qal li l-pitch fl-istadium nazzjonali u x-xogħol fuqu miexi fuq rittmu tajjeb u sal-aħħar ta' Awwissu għandu jkun komplut. Hu stieden lil kulħadd biex imur sal-istadium u jara b'għajnejh dak li qed iseħħ. Darmanin wera filmat qasir tax-xogħlijiet li qed isiru.
Il-President Darmanin Demajo għalaq il-Laqgħa u rringrazzja lil kulħadd tal-istaġun li kellu u stieden lil kulħadd jibqa' għal-Laqgħa Ġenerali Straordinarja. Hu qal li l-Laqgħa li jmiss tal-Kunsill tkun fil-bidu ta' Awwissu.
