Malta Football Association
NEWS:
Żieda ta' 6% fl-attendenzi tal-istaġun 2015/16
Jul 7, 2016
Posted in:
General
Fanzone
Ritratt: Joe Borg
Ritratt: Joe Borg

"L-attendenzi fil-partiti tal-istaġun 2015/16, kellhom żieda ta' 6% jekk tikkumparahom mal-istaġun 2014/15." Din l-informazzjoni taha Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali tal-Malta Football Association, f'konferenza stampa li saret ilbieraħ wara nofsinhar u li fiha ttellgħu l-poloz tal-Kampjonati BOV tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet Diviżjoni għall-istaġun 2016/17.

 


 

Vassallo beda l-konferenza billi rringrazzja lill-Membri tal-Kunsill u d-Delegati tal-MFA tal-vot li taw ilbieraħ fir-riformi l-ġodda li l-Assoċjazzjoni ressqet għall-approvazzjoni tal-Kamra. Fuq quddiemnett ir-riforma li d-diviżjonijiet jibdlu n-numru ta' timijiet li għandhom. B'hekk, mill-istaġun 2017/18, il-Kampjonat BOV Premier se jkollu 14-il tim, l-Ewwel Diviżjoni 14-il tim, it-Tieni Diviżjoni 13-il tim u t-Tielet Diviżjoni 12-il tim.

 

L-istaġun li ġej se jkun mingħajr qsiem ta' punti, u jiġi relegat direttament it-tim li jispiċċa fit-12-il post. It-tim li jispiċċa fil-11-il post jilgħab partita diretta mar-raba' tim li jispiċċa fl-Ewwel Diviżjoni. L-ewwel tliet timijiet fl-Ewwel Diviżjoni jitilgħu Premier u mill-Ewwel Diviżjoni jiġu relegati direttament l-aħħar tnejn.

 

Vassallo qal li l-kampjonat BOV Premier, fl-istaġun li għadda, irreġstra total ta' 104,025 spettatur, li jiġu żieda ta' 2% fuq l-istaġun ta' qabel. Din iċ-ċifra hi kważi kwart tal-poplu Malti u Għawdxi. 

Il-Kampjonat BOV tal-Ewwel Diviżjoni kellu 25,200 spettatur li huma żieda ta' 32% fuq l-istaġun ta' qabel. Dan jatribbwixxi l-aktar għax f'dan il-Kampjonat lagħbu Hamrun Spartans FC u huma rinomati għall-ammonti kbar ta' partitarji li jġibu magħhom. Fatt ieħor hu dak ta' Gzira Utd FC li peress li rebħu l-Kampjonat u telgħu Premier ġabu magħhom numru konsiderevoli wkoll ta' partitarji.

Il-Kampjonat BOV tat-Tieni Diviżjoni hu l-uniku kampjonat li kellu tnaqqis u dan ukoll jatribwixxi għall-fatt li Hamrun Spartans FC ġew promossi minn din id-diviżjoni għal dik tal-Ewwel Diviżjoni. It-total kien ta' 12,961 spettatur li jfissru tnaqqis ta' 12.5% fuq l-istaġun ta' qabel.

Il-Kampjonat BOV tat-Tielet Diviżjoni wkoll kellu żieda ta' 11.5%. Dan jagħmel total ta' 6,641 spettaur.

 

Dan kollu jagħmel total ta' 148,827 spettatur li fl-istaġun 2015/16 mar f'xi stadium jara xi partita. L-istaġun 2014/15 kellu total ta' 139,975 spettatur. Dan ifisser li ż-żieda hi ta' 6% fuq l-istaġun ta' qabel.

 

"Dan ixejjen kull spekulazzjoni, diskors u kitbiet li naraw minn żmien għall-ieħor fuq xi mezz tal-media soċjali. Aħna meta nitkellmu nagħmlu dan bil-fatti, u dak li għadni kemm għidtilkom hu l-fatti preċiżi," qal Vassallo.

 

Is-Segretarju Ġenerali ta wkoll statistika interessanti dwar il-barranin li lagħbu fil-Kampjonati Maltin fl-istaġun li għadda 2015/16.

Fil-Kampjonat BOV Premier lagħbu 148 barrani differenti li kienu ġejjin minn 35 pajjiż differenti. L-aktar pajjiż popolari ma' Malta li fih jilagħbu barranin hu l-Brażil, b'26 plejer, l-Italja u n-Niġerja jsegwu bi 22 plejer. Fil-Kampjonat BOV Premier lagħbu b'kollox 341 plejer differenti.

B'kollox, fil-Kampjonati kollha, lagħbu 1486 plejer li 287 minnhom (jew 19.3%) kienu barranin.

 

"Ħassejt li għandi nagħti din l-informazzjoni għaliex l-istaġun li għadda kien l-ewwel wieħed li fih setgħu jilagħbu 7 barranin f'kull tim. Jekk kien hawn min ħaseb jew beda jibża li se nimtlew bil-barranin u jispiċċa ċ-ċans tal-Maltin, il-figuri qed juru li dan ma seħħx anqas," qal Vassallo 

Official Sponsors
Commercial Partners