Malta Football Association
NEWS:
LĠA - Id-diskors tas-Segretarju Ġenerali
Jul 30, 2016
Posted in:
General
Fanzone
Bjorn Vassallo
Bjorn Vassallo

 

Il-ġurnata tat-30 ta’ Lulju 2016 ġġib fi tmiemha terminu ta’ tlietsnin amministrazzjoni tal-MFA. L-istess ġurnata ġġib ukoll fi tmiemha żewġtermini minn meta fil-bidu ta’ Awwissu 2010, Norman Darmanin Demajo.kien elett President għall-ewwel darba.

 

Iżda qabel nitkellem fuq dan,xtaqt kif nagħmel kull sena ngħaddi ftit kummenti fuq l-istaġun li għadu kif spiċċa. Matul l-aħħar jiem,irċevejtu r-rapport amministrattiv ippubblikat fi ktejjeb, ġabra tal-ħidma mwettqa mill-amministrazzjoni u mill-istrutturi kollha tal-MFA.

 

Kienet sena importanti minn fejn ħargu konklużjonijiet li dwarhom saret diskussjoni kbira fil-passat. Kienet sena fejn l-MFA u l-klabbs ħasdu dak li kien miżrugħfl-istapuni ta’ qabel.


 

L-akbar żvilupp li seħħmatul dan it-terminu kienet ir-riforma tal-Player Status li bdiet iċċaqlaq l-istatus quo li kien ilu jeżisti għal ħafna snin. Grazzi għad-Djalogu Soċjali mbuttat mill-UEFA u għall-kuraġġtagħkom,il-membri bdilna u saħħaħna regolamentazzjoni msawwra fuq drittijiet li jissalvagwardjaw il-partijiet kollha nvoluti fil-logħba. Ma kinitx faċli iżda l-biża’ ssarfet f’opportunita’.

 

U dik l-isfida matul l-aħħar staġun bdejna nduqu l-frott tagħha. Nifhem li ħadna ż-żmien, nifhem li l-progress ma kienx mgħaġġel kif pretendew ħafna, iżda huwa fatt li flimkien għamilna dak li għal għexiren ta’ snin ma seħħx.

 

U dan mhux rifless biss fir-riforma tal-Players Status. Rifless ukoll f’dak li ntroducejna s-sena ta’ qabel permezz tal-Financial Fair Play u r-riformar fil-Licenzjar tal-Klabbs u mhux se nieqfu hawn għax fi ftit xhur ohra nippreżentaw quddiem il-Kunsill l-aħħar parti dwar dak li qed ikun propost relatat mal-Licenzjar tan-Nurseries. 

 

Dawn ir-riformi qed joħolqu l-qafas imwiegħed ta’ governanza aktar b’saħħitha, maħsuba biex tkattar l-edukazzjoni fl-immaniġġjar u l-operat tal-klabbs membri. U matul dan l-istaġun rajna kemm dak li ħafna qalulna, li b’seba’ barranin se noqtlu l-prodott Malti, fl-ewwel sena ma seħħx.

 

Dan mhux ngħidu jien, qed jgħiduh il-figuri. L-akbar perċentwal ta’ plejers barranin kien fil-Kampjonat Premier b’43.5%. Fuq l-erba’kampjonati nazzjonali il-plejers barranin irreġistraw perċentwal ta’ 19.5%. B’hekk nazzarda ngħid li minflok dgħajjifna l-pożizzjoni tal-Malti, spiċċajna saħħaħniha għaliex il-plejers sabu livell tekniku aħjar li taħom sfida aktar serja tul l-istaġun kollu u l-klabbs kibru fl-istatura. L-aħħar riżultati fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA jitkellmu waħidhom.  

 

 

L-istess jista’ jingħad fl-aspett finanzjarju. Niftakar min kien jikkummenta li se noqtlu l-klabbs għaliex ir-regolamenti tal-Financial Fair Play huma iebsa wisq. Il-fatti qed juru mod iehor. Inqas projbizzjonijiet. Inqas każijiet quddiem il-bordijiet rispettivi. L-amministraturi qed ikunu aktar responsabbli, l-kultura bdiet tinbidel.

 

Issa l-akbar proġett li bdejna u li qed nistennew bil-ħerqa huwa dak dwar il-kummerċjalizazzjoni tal-art sportiva, proġett li jagħti nifs ġdid lill-klabbs tagħna u li nispera li jkun konkluz matul l-istaġun il-ġdid.

 

Ma rridx ninstema li kollox ward u żahar u li l-problemi spiċċaw. Altru minn hekk. Anzi fadal marġni sostanzjali ta’ progress li rridu nilħqu fl-operat, iżda b’sodisafazzjon irrid ngħid li matul l-aħħar staġun stajna nkejjlu livell aktar għoli fl-approċċu fl-istil tat-tmexxija.

 

Għal dan nirringrazzjakom li segwejtuna u persważli se nkomplu naħdmu biex flimkien insaħħu l-pozizzjoni u l-għarfien tagħna favur futbol aktar sostenibbli u professjonali fit-tmexxija.

 

Il-pilastri prinċipali li kkaraterizzaw l-amministrazzjoni ta’ Darmanin Demajo baqgħu jkunu fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna. Il-proġetti ta’ infrastruttura sportiva, fil-faċilitajiet tal-klabbs u f’Ta’ Qali komplew, fejn kif jaf kulħadd bdejna proġett ambizzjuz biex wara ħafna snin il-pitch tal-Istadium Nazzjonali jsirlu investiment notevoli mill-bażi.

 

Ġiet installata wkoll sistema ġdida ta’ dawl artifiċjali fit-training grounds u fil-futur qegħdin inħarsu lejn aktar investimenti fl-art tal-Istadium Ċentinarju. Dan mingħajr ma kienu abbandunati l-istadiums fejn isir il-futbol kollu organizzat mill-MFA.

 

Fis-settur tal-Coach Education dan kien staġun memorabbli wara li ċ-Ċentru Tekniku ingħata l-liċenzja biex jorganizza korsijiet fil-Livell UEFA PRO u 20 kowċlokali bdew jitħarrġu biex jiksbu liċenzja f’dan l-ogħla livell. COACH EDUCATION PATHWAY sal-istaġun 2021/22.  

 

Fil-livell ta’ grassroots komplejna bil-kurrikulum nazzjonali u ħdima wkoll barra miċ-Ċentru Tekniku fir-reġjuni mal-klabbs u fl-iskola Nazzjonali tal-Isport u qed naħdmu fuq proġett ġdid bil-kollaborazzjoni tal-UEFA biex insaħħu t-tagħlim fost l-iżgħar etajiet u b’hekk nilħqu firxa ġdida ta’ plejers madwar il-pajjiż.

 

L-iżvilupp huwa l-objettiv aħħari tagħna f’dan il-livell u r-rebħjiġi ħafna aktar wara u din hija l-mentalita’ rebbieħa li jrid ikollna… dik li nipproduċu u niżviluppaw plejers tal-futbol aħjar permezz ta’ pjanijiet long-term li jwasslu għal riżultati ferm aktar ta’ sodisfazzjon minn sempliċi rebħa f’logħba li ma tiswa xejn.

 

Fil-kompetizzjonijiet domestici, lejn l-aħħar tal-istaġun kienu vvuttati proposti ġodda fil-kompozizzjoni u l-format tal-kampjonati nazzjonali u anki hawn ħaqqkom kull tifhir li għalkemm mhux fl-ewwel fażi tad-djalogu, qabel intemm l-istaġun irnexxielna naslu għal dak li xtaqu l-maġġoranza. Fost l-akbar deċizjoni li ttieħdet kien hemm dik dwar il-qsim tal-punti, sistema li ġiet abbolita wara 16-il sena. B’hekk l-istaġun li deħlin fih se jkun wieħed tranżitorju sakemm naslu għal dak ivvutat fil-5 ta’ Lulju.

 

L-attendenzi fil-kampjonati nazzjonali, li raw żieda globali ta’ 6% relatata mal-istaġun ta’ qabel, ikomplu jagħtuna u lilkom aktar minnha, l-kuraġġbiex tkomplu tinvestu fil-logħba domestika. B’kollox inklużil-kampjonati nazzjonali tal-irġiel, is-super cup, l-FATrophy u l-logħbiet tal-Ewropa fis-sajf li għadda, daħlu fl-istadiums tagħna aktar minn 183,000 spettatur, l-akbar attendenza reġistrata matul l-aħħar 5 snin.        

 

Deċizjonijiet bħal dik li ħadna li se twassal għall-introduzzjoni ta’ trofew ġdid għall-FA Trophy, jkomplu jqajjmu l-interess tal-pubbliku.

Dan ikompli jixhed kemm il-futbol lokali huwa ħaj u kemm il-Maltin iħobbu dan l-isport.

 

Mil-lat ta’ timijiet nazzjonali, sfortunatament forsi l-aktar aħbar li għamlet hoss kienet gejja mill-kamp tat-tim ta’ Taht il-21 sena, fejn wara l-ewwel 5 logħbiet tal-kampjonat tal-UEFA li minnhom it-tim kiseb 5 punti, waslet ħasda kbira meta xi persuni ppruvaw jimmanipulaw ir-riżultat tal-logħbiet f’Marzu li għadda. Il-korruzzjoni teżisti fil-futbol bħala ma teżisti f’kull ambitu tas-soċjeta’, iżda rridu nkunu b’saħħitna u niġġildulha u mhux naċċettaw li neqirdu l-pjaċir ta’ tant eluf li jipprattikaw il-logħba minħabba r-rgħiba għall-flus. Ottimist li sal-aħħar tas-sena kalendarja, t-Task Force imwaqqfa mill-MFA u li fiha jattendu l-Pulizija, l-MGA, Sport Malta u ż-żewġnaħat tal-Kamra tad-Deputati, nkunu nistgħu nipprezentaw il-Pjan Ta’ Azzjoni Nazzjonali lil Parlament Malti biex nissalvagwardjaw il-futur tal-isport minn kull intriċċi kriminali.

 

Dipartiment li ħalla riżultati tajbin, izda li wkoll kien fl-aħbarijiet minħabba kontroversji varji, kien id-Dipartiment tar-Referees. Dan kien staġun fejn l-uffiċjali tagħna ikkontrollaw logħbiet f’kull livell tal-kompetizzjonijiet tal-UEFA, l-ewwel staġun fejn kellna 17-il uffiċjal fuq il-lista tal-FIFA.

 

Dan kien tragward eċċezzjonali li kompla jixhed kemm sar xogħol siewi matul l-aħħar snin u kemm kienet għaqlija l-MFA tinvesti f’dan is-settur. Permezz tal-akkademja bnejna s-sisien għall-futur u bil-gwida tal-konvenzjoni tal-UEFA qegħdin naslu biex nilħqu objettivi li kienu ppjanati għas-snin li ġejja.

 

Fil-kamp tar-Responsabbilta’ Soċjali l-MFA kompliet tkun attiva’ ferm.

 

Fil-ktejjeb issibu rapport aktar dettaljat li jiġbor il-ħidma annwali. Ma rridx intawwal, iżda xtaqt inmiss il-punti l-aktar kruċjali ta’ sena li kienet kollox ma’ kollox waħda  pożittiva u li permezz tas-sehem attiv tagħkom kompliet tixhed l-għaqda li tirrenja fl- Assoċjazzjoni u r-rispett li jeżisti fost il-membri u l-istrutturi.

 

Nieħu din l-opportunita’ biex nirringrazzja lill-uffiċjali kollha tal-MFA tas-support tagħhom lejn l-impjegati tal-Assoċjazzjoni, li minn hawn nirringrazzjhom tal-impenn kostanti tagħhom għaliex mingħajrhom dawn ir-riżultati ma kienux ikunu possibli.

------ 

Official Sponsors
Commercial Partners