Malta Football Association
NEWS:
"Noħlom li jkollna villaġġ tal-isport f'Ta' Qali" - Darmanin Demajo
Jul 30, 2016
Posted in:
General
Fanzone
Norman Darmanin Demajo - RITRATT: Domenic Aquilina
Norman Darmanin Demajo - RITRATT: Domenic Aquilina

  • Norman Darmanin Demajo - RITRATT: Domenic Aquilina

Norman Darmanin Demajo, President tal-Malta Football Association, temm il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFA għas-sena 2016, billi qal li joħlom li ż-żona ta' Ta' Qali ssir villaġġ tal-isport li minnu jibbenifika l-poplu Malti u Għawdxi kollha. Il-President tal-MFA qal li dan kollu jista' jseħħ jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed u jekk ikun hemm l-għajnuna tal-Gvern Ċentrali, kif qed jidher li diġa' hemm.


 

Darmanin Demajo qal dan id-diskors fl-għeluq tal-Laqgħa Ġenerali Annwali. Hu fetaħ il-Laqgħa billi rringrazzja lil dawk kollha li b'xi mod jew ieħor ipparteċipaw f'xi elezzjoni, kemm jekk ġew eletti u kemm jekk le.

"Jekk int ġejt elett nawguralek ħidma sfieqa u sabiħa. Jekk le, ma ġara xejn, inti wkoll parti mill-familja kbira u sabiħa tal-futbol Malti", qal il-President tal-MFA.

 

Il-President tal-MFA qal li wara li matul dan l-istaġun inbiddlet it-Tazza tal-FA Trophy, issa wasal iż-żmien li tinbidel it-Tazza tal-Kampjonat BOV Premier. Il-President qal li wasal iż-żmien li din tinbidel ukoll għal waħda tal-fidda, li l-oriġinali tinżamm dejjem fl-uffiċini tal-MFA u li replika tagħha tingħata lit-tim rebbieħ. Hu qal li tkellem dwar dan kollu ma' Chris Bonett, li min-naħa tiegħu qabel li għandu jkun hemm tazza ġdida wkoll għall-Kampjonati kollha tal-MFA.

 

Darmain Demajo semma l-kunċett tal-Full Time Administrator, tal-inqas għat-timijiet tal-Kampjonat Premier. Hu qal li l-MFA se tibda torganizza workshops għall-amministraturi li jwasslu lill-individwi li jingħataw ċertifikat li jkun rikonoxxut mill-MFA.

"Dan sabiex il-klabbs tal-Premier, tal-inqas ikollhom uffiċju tagħhom fejn ikollhom il-full time staff tagħhom. Jekk l-affari sseħħ u tkun serja, l-MFA lesta tgħin anki sa 25,000euro lill-kull klabb biex tgħinhom isaħħu l-amministrazzjoni tagħhom. Jekk l-idea taħdem, lesti nestenduha għad-diviżjonijiet iż-żgħar li jkollhom amministratur tal-inqas għal kull diviżjoni," qal Darmanin Demajo.

 

Fl-aħħarnett, il-President tkellem fuq it-tim nazzjonali Malti. Hu qal li biex jogħla l-livell tat-timijiet, hemm bżonn li jkollna tal-inqas 20 plejer Malti li jilagħbu futbol professjonali barra minn Malta.

"Nemmen li t-talent tal-plejers tagħna sa 17-il sena jista' jħabbatha ma' kulħadd, iżda wara hemm is-sistema tagħna tikkollassa. U dan għax il-plejers tagħna jibqgħu tal-istess livell ta' Malta, mentri ħaddieħor ikompli jiżviluppa t-talent tiegħu," qal Darmanin Demajo.

 

Id-Dede reġa' kkonferma li dawn se jkunu l-aħħar 3 snin tiegħu. Jemmen li wara tliet termini, jkun jaqbel kemm għalih u kemm għall-Assoċjazzjoni li jkollha demm ġdid fit-tmun tagħha.

 

"Qed naċċetta b'umilta' kbira l-konferma li tajtuni llum. Se nibqa' ta' servizz. L-MFA u l-futbol Malti mhux tiegħi. Se nibqa' nagħmel hekk b'onesta', integrita' u trasparenza. Grazzi lil kulħadd," temm Darmanin Demajo.

Official Sponsors
Commercial Partners