Malta Football Association
NEWS:
Il-media Skoċċiża interessata fil-partita ta’ Malta kontra l-Estonja
Aug 30, 2016
Posted in:
General
National Team
UEFA EURO 2020 - EQ
Friendlies

Mark Attard, Media Officer

 

Il-partita ta’ ħbiberija tal-Erbgħa filgħaxija bejn l-Estonja u Malta, ġibdet l-interess tal-pajjiż u l-futbol Skoċċiż kollu, tant li l-media Skoċċiża tinsab f’Talinn, l-Estonja, biex issegwi lit-tim nazzjonali Malti jilgħab, erbat ijiem qabel il-partita fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali.

Diversi ġurnalisti kienu preżenti fil-Parnu Rannastaadion, fejn għada tintlagħab din il-partita ta’ ħbiberija u kellhom interess partikolari f’diversi plejers Maltin, fosthom il-captain Michael Mifsud, li lagħab għal diversi snin fl-Ingilterra, Luke Gambin, l-akkwist il-ġdid ta’ Leyton Orient, Gareth Sciberras, captain ta’ Birkirkara FC li kien fit-tim li ftit tal-ġimgħat ilu elimina lil Hearts FC tal-Iskozja mill-Europa League, u lil Andre’ Schembri, l-akkwist il-ġdid ta’ Boavista, il-klabb Portugiż.

Il-media Skoċċiża ingħatat ftit tal-ħin qabel it-taħriġ biex tintervista lil dawn il-plejers u lil Pietro Ghedin, il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti.

L-istess ġurnalisti Skoċċiżi jibqgħu ġejjin f’Malta biex jippreparaw bl-aħjar mod għall-partita tal-Ħadd filgħaxija, li mistennija tattira folla sabiħa ta’ Skoċċiżi u anki ta’ Maltin lejn l-istadium.

Malta vs Skozja tibda fid-8.45pm u se tixxandar diretta fuq TVM 2 u anki SKY UK.


Official Sponsors
Commercial Partners