Malta Football Association
NEWS:
"Ninsabu lesti biex nagħtu dak kollu possibbli" - Ghedin
Sep 3, 2016
Posted in:
General
National Team
UEFA NATIONS LEAGUE 2020
Ritratti: Paul Zammit Cutajar
Ritratti: Paul Zammit Cutajar

  • Ritratti: Paul Zammit Cutajar

 

Mark Attard, Media Officer

 

Pietro Ghedin, il-kowċ nazzjonali Malti, kellu kliem ta' tifħir kbir lejn il-plejers u l-istaff tekniku tiegħu kollu, hekk kif illum wara nofsinhar, tkellem f'konferenza stampa organizzata mill-FIFA u l-UEFA, ġurnata qabel il-partita li Malta se tilgħab għada f'Ta' Qali kontra l-Iskozja.

"Għandi kliem ta' tifħir kbir lejn dan il-grupp ta' plejers u tal-persuni kollha li jagħmlu parti mit-tim nazzjonali Malti. Flimkien qed nagħmlu affarijiet kbar u dejjem nitjiebu minn partita għal oħra. Dak li ġara fl-Estonja kien mertu ta' kulħadd. Konna l-aħjar tim fit-tieni taqsima u stajna anki rbaħna l-partita," qal Ghedin, fl-ewwel kummenti tiegħu.


 

Il-kowċ nazzjonali qal li issa l-plejers straħu sew u rkupraw tajjeb. 

"Kellna xi problema jew tnejn imma issa ninsabu lesti biex nagħtu dak kollu li hu possibbli minnha. Irridu nżommu saqajna mal-art u nammettu li l-favoriti li nirbħu l-partita m'aħniex aħna. Malta rari tkun favorita, iżda bi ftit sforz żejjed minn kulħadd nistgħu nissorprendu," qal Ghedin.

 

Mistoqsi fuq l-avversarji Skoċċiżi, Ghedin qal li l-Iskozja ra diversi partiti tagħhom u fil-ġurnata kapaċi jkunu tim tajjeb ħafna li jirbaħ lil kulħadd.

"Rajt ħafna partiti tagħhom. Hemm ġranet li jistgħu jkunu l-aħjar tim u hemm oħrajn li jistgħu jitilfu mal-Ġorġja kif kien ġralhom fl-aħħar Grupp ta' Kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej. Irridu nammettu li l-Iskozja hu l-aqwa tim bejn it-tnejn. Aħna nibqgħu l-underdogs. Imma l-importanti hu li l-plejers tagħna jinżlu fil-pitch f'kundizzjoni tajba u bil-mentalita' ġusta," qal Ghedin. 

 

Mistoqsi fuq il-plejer Luke Gambin, l-aħħar plejer li daħal fl-iskwadra nazzjonali, Ghedin qal:

"Ninsabu kuntenti li Gambin parti mill-iskwadra. Lagħab tliet partiti biss s'issa iżda f'kull partita kien tajjeb. Għandna tlieta jew erba' plejers neqsien iżda xorta għandna tim qawwi. Irridu niffaċċjaw lill-Iskozja b'mod kunfidenti," temm Pietro Ghedin.

 

Tkellem ukoll Luke Gambin, il-plejer nazzjonali ta' Barnet FC li min-naħa tiegħu rringrazzja lil sħabu kollha talli aċċettawh fl-iskwadra mill-ewwel.

"Ġejt aċċettat u dak kien l-aktar importanti għalija. Irrid nirringrazzja lill-plejers kollha tat-tim nazzjonali. Nispera li nkun ta' għajnuna għalihom u għal Malta," qal Gambin.

 

Gambin qal li kemm hu u kemm sħabu jinsabu lesti u preparati għall-partita ta' għada li fl-opinjoni tiegħu se tiddeċiedi ħafna l-esperjenza tal-plejers fuq iż-żewġ naħat. 

 

Mistoqsi fuq il-klabb tiegħu Barnet FC u fuq ix-xniegħat li kien ingħaqad ma' klabb ieħor, Gambin irrisponda hekk:

"Ma nista' ngħid xejn fuq livell ta' klabb ħlief li jien kont u s'issa għadni plejer ta' Bernet FC."

 

Official Sponsors
Commercial Partners