Malta Football Association
NEWS:
Waslet il-ġurnata: Illejla Malta vs Skozja
Sep 4, 2016
Posted in:
General
National Team
UEFA EURO 2020 - EQ
Ritratt: Paul Zammit Cutajar
Ritratt: Paul Zammit Cutajar

Mark Attard, Media Officer

 

Sa fl-aħħar waslet il-ġurnata tant mistennija. Dik tal-4 ta' Settembru, illum. Il-ġurnata li fiha, it-tim nazzjonali Malti mmexxi minn Pietro Ghedin, jibda avventura oħra fil-Gruppi ta' Kwalifikazzjoni...illejla okkażżjoni mill-isbaħ, f'darna kontra l-Iskozja, fid-8.45pm, il-ballun jibda jdur għall-ewwel darba fuq il-wiċċ ġdid tal-Istadium Nazzjonali, f'Ta' Qali.


 

It-tim nazzjonali Malti ġej minn prestazzjoni kbira ftit tal-jiem ilu, f'Parnu, l-Estonja meta spiċċa l-konfront tiegħu fi draw ta' 1-1. Kienet partita li t-tim Malti seta' rebaħ, fit-tieni taqsima kien aħjar mill-avversarji tiegħu, anzi, ħafna aħjar.

 

Għal-lejla, l-istennija għal din il-partita mill-poplu Malti, hi kbira. Mhux għalxejn. Il-poplu qed jemmen li verament għollejna l-livell u li partiti bħal dawn, meta l-avversarji m'humiex 'tal-ewwel faxxa', nistgħu noħorġu b'xi ħaġa tajba. Iżda saqajna mal-art. It-tim avversarji jibqa' dejjem favorit kontra gżira ta' anqas minn nofs miljun popolazzjoni. Il-plejers Skoċċiżi kollha jilagħbu fl-Iskozja, fil-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni fl-Ingilterra, b'eċċezzjoni ta' xi erbgħa li jilagħbu fil-Premiership. Jibqa' l-fatt, li dawn il-Kampjonati huma ta' livell ogħla mill-Kampjonat BOV Premier.

 

Illejla tista' tibqa' tissemma fl-Istorja. Aktar minn 15,000 partitarju beħsiebhom joħonqu l-Istadium Nazzjonali, 4,000 minnhom Skoċċiżi, li jfisser li Maltin se jkun hemm kważi it-tripplu. L-appoġġ jista' jkun wieħed determinanti f'partiti bħal dawn għat-tim li jkun qed jilgħab 'home'. Il-plejers u l-kumplament tal-istaff tat-tim nazzjonali qed joqgħodu ħafna fuq dan l-hekk imsejjaħ, 'it-12-il spettatur.'

 

Fl-Iskozja l-partita qed tingħata importanza kbira. Lill-plejers tagħna jafuhom sew. It-tim nazzjonali rċieva ħafna rikjesti għal intervisti mal-plejers fuq gazzetti Skoċċiżi. Il-partita, minbarra TVM 2, se tixxandar diretta fuq SKY TV UK...mhux xi ħaġa ta' kuljum għat-tim nazzjonali Malti.

 

Illejla tibda era ġdida. Ħadd mhu jistenna li mmorru r-Russja fl-2018. Iżda kulħadd qed jistenna wirjiet tajbin u sbieħ li jħeġġu aktar nies jappoġġjaw lit-tim nazzjonali, biex ilkoll inħossuna tassew kburin li Maltin.

 

It-tensjoni qabel id-dħul fuq il-pitch tkun m'ogħla s-sħab. Kull plejer ifittex il-massimu tal-konċentrazzjoni possibbli. Ghedin jgħid l-aħħar kelmtejn, diġa' semugħom u wisq probabbli jkun qalhomlhom 50 darba u ħasbu fuqhom 500 darba. Imbagħad ikun imiss it-talba offruta lill-Qaddisin kollha, li f'ċirkostanza bħal dawn, ikun hemm bżonn tal-għajnuna tagħhom u l-għajta ta' kulħadd f'daqqa li ttgħarraxlek widnejk, "Malta". Issa jmiss li joħorġu fil-pitch u jagħtu l-100% tagħhom, jew anki l-101%.

 

L-akbar emozzjoni, bħal dejjem, tkun meta qabel il-kick off, għal kważi żewġ minuti, tisma' l-Innu Malti, tħares lejn il-bandiera Maltija tperper mal-arbl fuq il-ġenb tal-Istadium, imbagħad terġa' ħarsa mill-ġdid f'għajn il-plejers, wieħed wieħed, minn b'għajnejh magħluqa, min le, iżda kollha idejhom ma' qalbhom, kollha kburin li Maltin. 

 

Il-konċentrazzjoni tkun massima. 

 

Grazzi lil kulħadd tal-appoġġ u FORZA MALTA! 

Official Sponsors
Commercial Partners