Malta Football Association
NEWS:
Kunsill MFA, Settembru 2016
Sep 7, 2016
Posted in:
General
Fanzone

Mark Attard, Media Officer

 

Norman Darmanin Demajo, President tal-Malta Football Association, fetaħ il-laqgħa billi sellem lil Sunny Abela, Segretarju Ġenerali ta' Mellieħa FC, li ħalla din id-dinja fil-jiem li għaddew. Il-President irringrazzja wkoll lil dawk kollha li wrew solidarjeta' miegħu wara l-mewt ta' ommu ftit tal-jiem ilu wkoll.


 

Darmanin Demajo tkellem fuq il-wiċċ il-ġdid tal-Istadium Nazzjonali. Hu qal li dan il-pitch għolla l-istandard tal-futbol bil-kbir anki għax għandu sistema awtomatika ta' kif jissaqqa. Id-differenza fil-pitch setgħet tidher fil-partita bejn Malta u l-Iskozja bil-ballun li ġera ħafna aktar min-normal.

 

Il-President tal-MFA qal li se jibda jiltaqa' mal-klabbs kollha biex jara l-problemi li għandhom u jara kif jista' jsolvihom. Hu qal li dawn il-laqgħat se jkunu mingħajr aġenda, jiġifieri li kulħadd jista' jitkellem u jiddiskutu flimkien.

 

Darmanin Demajo fakkar lill-klabbs tal-Premier li l-MFA offriet li tiffinanzja sa 25,000euro għal amministratur f'kull klabb iżda s'issa l-MFA għadha ma rċiviet l-ebda risposta rigward dan kollu. 

 

Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali, qal li flok Brian Said, l-MFPA qiegħda tinnomina lil Martin Gregory fil-Bord tal-MFA.

 

Fil-Kamra qamet diskussjoni jekk l-MFA tistax tappella mid-deċiżjonijiet żbaljati li ħa r-referee Ukrejn fil-partita tal-Ħadd li għadda kontra l-Iskozja. Hawnhekk, Bjorn Vassallo qal li ma jista' jsir xejn u f'kull partita internazzjonali li taqa' taħt il-kappa tal-UEFA u l-FIFA, kollox irid jibqa' kif kien. Li jfisser li l-MFA qiegħda tistenna s-sentenza li se jingħataw Jonathan Caruana u Luke Gambin.

 

Bjorn Vassallo qal li l-MFA kienet irċiviet notifika mill-UEFA li kienu se jikkontestaw għall-kariga ta' President tal-UEFA l-Presidenti tal-FA tas-Slovenja, l-Olanda u Spanja. Fl-aħħar notifika, kien hemm innutat li l-kandidat ta' Spanja irtira l-kandidatura tiegħu. 

 

Il-President tal-MFA qal li l-Eżekuttiv tal-MFA laħaq ftehim fuq il-bonuses tal-plejers tat-tim nazzjonali. Il-bonuses jinħarġu biss f'każ ta' rebħa, draw u jekk it-tim nazzjonali ma jiġix l-aħħar fi Grupp F.

Official Sponsors
Commercial Partners