Malta Football Association
NEWS:
Paolo Maldini u martu jsegwu lil Hamrun Spartans FC
Sep 23, 2016
Posted in:
General
Leagues
BOV Premier League
Ritratti: Joe Borg
Ritratti: Joe Borg

  • Ritratti: Joe Borg
  • Ritratti: Joe Borg

 

Paolo Maldini, il-leġġenda tal-futbol mondjali, u eks-captain tat-tim nazzjonali Taljan u ta’ AC Milan, ilbieraħ kien partitarju speċjali fil-Hibernians Stadium, meta flimkien ma’ martu Adriana Fossa, ġew f’Malta biex isegwu lil binhom Christian, plejer ta’ Hamrun Spartans FC. 


 

Maldini, intlaqa’ b’ċapċip kbir fil-VIP Area u diversi partitarji Maltin, speċjalment dawk ta’ AC Milan, li anki dehru kommossi li proprju ftit metri ‘l bogħod minnhom, kellhom plejer li għamel parti kbira mill-Istorja tal-futbol Taljan u Ewropew. Kemm qabel ma daħal fl-Istadium, waqt il-ħin tal-mistrieħ, u anki kif kien ħiereġ il-barra, Maldini deher rilassat, jiffirma kull poster u ritratt li nġib apposta mill-partitarji u jieħu ritratt ma kull min xtaq.

 

Christian, iben Paolo u Adriana, inġib minn Hamrun Spartans FC fis-sajf li għadda u minkejja li għad għandu 18-il sena, qed jispera li jgħolli l-livell tiegħu billi jilgħab ħafna partiti kompetittivi fil-Kampjonat BOV Premier Malti, li fl-aħħar snin, anki bl-iskema tas-seba’ barranin, għolla l-livell bil-kbir. Hu kien akkumpnjat minn Gejtu Debattista, President ta' Hamrun Spartans FC u minn Joe Bugeja, membru tal-Kumitat tal-istess Spartans.

 

Tul id-90 minuta, Paolo u Adriana dehru jappoġġjaw lil binhom u lil Hamrun Spartans FC, b’banner ħamra u sewda tal-klabb, il-kuluri sinonimi wkoll ma’ AC Milan, il-klabb li miegħu Paolo lagħab karriera sħiħa. Pietro Ghedin, il-kowċ nazzjonali Malti, deher f’diskussjonijiet kontinwi mal-familja Maldini, anki għax iż-żewġ familji nzertaw ħbieb personali mhux biss fil-futbol.

 

Paolo Maldini tiwieled fis-26 ta’ Ġunju 1968 u llum għandu 48 sena. Hi jiġi iben Cesare, ukoll wieħed mill-aqwa difensuri li kellhom l-Italja fl-Istorja, u li sfortunatament ħalla din id-dinja ftit tax-xhur ilu.

 

Hu lagħab 24 sena ma’ AC Milan għal 647 partita u li fihom skorja 29 gowl. Mit-tim nazzjonali Taljan lagħab 126 partita u fihom skorja 7 gowls. 

Official Sponsors
Commercial Partners