


It-tim nazzjonali jitħarreġ f’Bisham Abbey

Mark Attard, Media Officer
It-tim nazzjonali Malti, illum fit-3.30pm, tħarreġ għall-ewwel darba fl-Ingilterra, f’Bisham Abbey, f’Ċentru Sportiv ftit ’il barra miċ-ċentru ta’ Londra. Is-sessjoni damet madwar siegħa u li fiha wieħed seta’ jara t-tattika li biha Pietro Ghedin se jkun qed jiffaċċja lit-tim nazzjonali tal-Ingilterra s-Sibt li ġej f’Wembley.
Il-plejers kollha kienu għad-dispożizzjoni tal-kowċ nazzjonali li flimkien mal-assistent Ray Farrugia bdew jagħtu l-ewwel informazzjoni tagħhom fuq il-pożizzjoni tal-plejers, l-aktar fis-settur difensiv.
Din se tkun it-tieni partita minn Grupp F għal Malta wara t-telfa ta’ 5-1 kontra l-Iskozja ftit tal-ġimgħat ilu.
F’Londra, it-temperatura hi kemmxejn kiesħa, li iżda tagħti kundizzjoni perfetta għall-partita futbol ta’ dawn il-livelli.
Għall-partita tas-Sibt, mistennija aktar minn 2,500 partitarju Malti f’Wembley Stadium, filwaqt li dalgħodu, l-FA Ingliża ħabbret li Wembley jista’ jkun għal darb’oħra mimli.
Ingilterra vs Malta tixxandar diretta fuq TVM 2, fis-6.00pm, ħin ta’ Malta.
