Malta Football Association
NEWS:
"Se nagħtu qalbna u dak kollu li nafu" - Ghedin
Oct 7, 2016
Posted in:
General
National Team
WC 2022 QUALIFIERS
Ritratti: Paul Zammit Cutajar
Ritratti: Paul Zammit Cutajar

  • Ritratti: Paul Zammit Cutajar

Mark Attard, Media Officer

 

Pietro Ghedin, il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti, fil-konferenza stampa ta' ġurnata qabel il-partita, qal li l-partita ta' għada kontra l-Ingilterra f'Wembley, se tkun okkażżjoni speċjali u ħolma għal kull plejer li jilgħab hawnhekk, għalhekk jinsab ċert li kulħadd se jagħti qalbu u jagħti dak kollu li jaf.

"Ninsabu hawnhekk u nafu li m'aħnix il-favoriti. Se nilagħbu kontra super potenza fil-futbol bħalma huma l-Ingilterra u f'partiti bħal dawn tista' twiegħed biss li se tagħti l-mija fil-mija tiegħek. Imbagħad tispera li tkun il-ġurnata tiegħek u ma tkunx il-ġurnata tagħhom. Imbagħad tispera wkoll li l-fortuna tgħinek. Ninsab kunfidenti li l-plejers tiegħi se jagħtu l-mija fil-mija tagħhom," qal il-kowċ nazzjonali Malti.


 

Ghedin ġie mistoqsi fuq it-tim nazzjonali Ingliż u l-plejers li għandu. Hu rrisponda li l-Ingilterra għandha fost l-aqwa plejers li hawn iżda mbagħad ħaġa tal-iskantament meta jiġu f'fażi finali ta' Tazza tad-Dinja jew Kampjonat Ewropew, xi ħaġa tmur ħażina dejjem u ma jaslux. Jiċċajta mal-media Ingliża, Ghedin qal, "Issa wasal iż-żmien li tirbħu xi ħaġa wkoll. Ma jistax ikun li dejjem tirbħu l-Grupp biss."

 

Għall-konferenza stampa attendew l-istazzjonijiet il-kbar tat-televiżjoni Ingliża fosthom il-BBC u SKY Sports UK, b'wieħed mill-aqwa kummentaturi fl-Istorja tal-futbol Ingliż, Martin Tyler, preżenti għall-konferenza. Staqsa wkoll lil Ghedin li jistax ikun it-tielet suċċess tiegħu fuq l-Ingilterra wara dawk akkwistati snin ilu meta kien assistent tat-tim nazzjonali Taljan li rebaħ f'Wembley b'gowl ta' Zola u rebaħ f'Elland Road f'Leeds 2-1 b'żewġ gowls ta' Montella.

Ghedin irrisponda bit-Taljan: "Non ce due senza tre", imbagħad isserja. "Din id-darba diffiċli ħafna aktar minn dak iż-żmien. L-Italja konna forza mondjali tal-futbol, Malta gżira żgħira u d-differeni huma kbar. Iżda ma nistax ma nfaħħarx lill-plejers tiegħi tal-kuraġġ li juru f'kull partita. Irridu naħdmu aktar biex nieqfu nagħmlu diversi żbalji li huma banali u li minnhom insofru l-gowls.

 

Tkellem ukoll Gareth Sciberras, captain ta' Birkirkara FC li fl-ewwel mistoqsija tiegħu ġie mistoqsi x'ħass appena rifes il-ħaxix tal-pitch ta' Wembley.

"Emozzjoni kbira. Hi l-ħolma ta' kull plejer li jilgħab hawn u nħossni ffortunat f'sens li kienet ħolma minn meta kont tifel żgħir li nilgħab hawn iżda qatt ma ħsibt li kienet verament se tirnexxi," qal Sciberras.

 

Mistoqsi fuq it-tim nazzjonali u sħabu u kif qed jippreparaw għal din il-partita, Sciberras qal li jinsabu determinati u ħadmu ħafna biex jagħtu wirja tajba quddiem pubbliku ta' aktar minn 85,000 ruħ.

"L-aħbar li l-Istadium jista' jkun mimli tkompli timlina b'determinazzjoni biex nagħmlu xi ħaġa tajba. Se nippruvaw. Dan nista' nwegħdu lil kulħadd. Mhux se tkun faċli iżda finalment ma nistgħux nagħmlu aktar milli nagħtu l-mija fil-mija tagħna," qal il-midfielder Malti.

 

Mistoqsi fuq Birkirkara u s-suċċess kontra Hearts fit-tieni rawnd tal-Europa League dan l-istaġun, Sciberras qal:

"Kienet partita kbira. Ħolma oħra li saret realta'. Mumenti bħal dawn ma tinsihom qatt. Nispera li għada jkolli oħra minnhom," qal Gareth Sciberras.

 

Official Sponsors
Commercial Partners