Malta Football Association
NEWS:
“Il-Litwanja? Partita diffiċli oħra. Ninsabu f’kundizzjoni biex nagħtu l-aħjar tagħna” – Ghedin
Oct 10, 2016
Posted in:
General
National Team
UEFA EURO 2020 - EQ
Ritratti: Paul Zammit Cutajar
Ritratti: Paul Zammit Cutajar

  • Ritratti: Paul Zammit Cutajar

Mark Attard, Media Officer

 

Pietro Ghedin, il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti, fil-konferenza stampa ta’ ġurnata qabel il-partita, indirizza lill-media lokali u anki dik Litwana u qal li wara l-partita ta’ Wembley ninsabu lkoll hawn fil-Litwanja biex nirrapreżentaw lill-pajjiżna bl-aħjar mod possibli.

 

“Kull partita rridu nagħtu kull ma nafu. Qed nistenna li jkollna wirja aħjar minn dik ta’ Wembley. Se nilagħbu fuq pitch sintetiku għall-ewwel darba bħala tim nazzjonali u f’kesħa kbira. Iżda dak hu parti mill-futbol ukoll u rridu nkunu preparati għal kull eventwalita’. Il-plejers jinsabu f’kundizzjoni tajba,” qal il-kowċ nazzjonali.


 

Mistoqsi fuq l-opinjonijiet differenti fuq it-tim nazzjonali u l-wirja kontra l-Ingilterra, Ghedin wieġeb:

 

“Nixtieq li kulħadd ikun magħqud. Il-plejers tagħna jagħtu dejjem dak kollu li jafu. Għaldaqstant ma naċċettax kummenti li huma dejjem negattivi kontra l-plejers nazzjonali għaliex jien nista’ nixhed li m’hawnx min jagħmel sagrifiċċji daqshom,” qal Ghedin.

 

Mistoqsi fuq il-fatt li s-sena li għaddiet, Malta għelbet lil-Litwanja f’partita ta’ ħbiberija f’Ta’ Qali, Ghedin qal li dan kollu hu veru iżda issa t-tim Litwen inbidel xi ftit u qegħdin jilagħbu f’pajjiżhom mhux f’Malta.

 

“It-tim Litwen m’għadux l-istess bħal ma kien sena ilu. Inbidel nofs it-tim u aktar minn hekk qed nilagħbu f’darhom bil-fatturi kollha favur tagħhom. Ma tistax tipparaguna l-logħba tal-lum ma’ ta’ dak iż-żmien,” qal Ghedin.

 

Mistoqsi fuq it-tim ta’ għada u x’beħsiebu jibdel minn dak ta’ Londra, Ghedin qal:

 

“Se jkolli nibdel wieħed zgur peress li Alex Muscat mar lura d-dar wara t-twelid ta’ ibnu. Iżda nista’ nibdel tnejn, tlieta jew erba’ plejers. Irrid nadatta t-tim għall-partita ta’ dan it-tip. Il-Litwanja tim b’saħħtu wkoll. Rajt il-partita tagħhom kontra l-Iskozja u ċert li se tkun partita diffiċli ħafna għalina bħalma jkunu kollha,” qal Pietro Ghedin.

 

Fil-konferenza tkellem ukoll Andrei Agius, difensur internazzjonali ta’ Malta u ta’ Hibernians FC. Fl-ewwel kummenti tiegħu, Agius mill-ewwel qal li se tkun partita diffiċli ħafna għalih u għal sħabu.

 

“Se tkun partita mill-aktar iebsa iżda konxji wkoll li rridu nippruvaw nieħdu l-ewwel punti tal-Grupp. Hi t-tieni partita fi ftit jiem għalina u normalment dejjem inkunu aħjar meta nilagħbu t-tieni partita wara ftit jiem,” qal Agius.

 

Mistoqsi x’motivazzjoni għandu t-tim nazzjonali wara l-partita kontra l-Ingilterra, Agius qal:

 

“L-istess motivazzjoni. Aħna nilagħbu kull partita u nagħtu l-massimu tagħna. Dejjem hemm tliet punti jew punt x’jintrebaħ. Il-motivazzjoni dejjem tkun dik li nagħtu l-aħjar tagħna u hekk se nibqgħu nagħmlu,” qal Agius.

Official Sponsors
Commercial Partners