Malta Football Association
NEWS:
Stedina mill-Prim Ministru f'Kastilja
Oct 14, 2016
Posted in:
General
National Team
U/21 Qualifiers
U17 - UEFA European Under 17 Qualifiers
Ritratti: Domenic Aquilina
Ritratti: Domenic Aquilina

  • Ritratti: Domenic Aquilina

Mark Attard, Media Officer

 

It-timijiet nazzjonali ta' Malta ta' taħt il-21 sena u tan-nisa ta' taħt is-17-il sena, illum f'12.00pm, kienu mistiedna fl-Uffiċju tal-Prim Ministru, f'Kastilja, il-Belt Valletta, bħala rikonoxximent għal dak li wetqu fil-futbol Ewropew f'dawn l-aħħar jiem fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA.

 

Dr Joseph Muscat, Prim Ministru ta' Malta, flimkien mas-Sur Chris Agius, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Innovazzjoni, laqgħu liż-żewġ kontinġenti mmexxija mis-Sur Alex Manfre', Viċi President tal-Malta Football Association, u Kap tad-Delegazzjoni għal din il-viżita u minn Robert Gatt, Direttur Tekniku.


 

Is-Sur Manfre' beda billi rringrazzja lill-Prim Ministru ta' din l-istedina u faħħar din l-inizjattiva li fi kliemu stess tkompli timla bil-kuraġġ lill-plejers Maltin biex iġibu aktar suċċessi bħal dawn fil-futur.

 

It-tim nazzjonali Malti ta' taħt il-21 sena mmexxi minn Silvio Vella waqqaf rekord ta' punti fi Grupp 1 ta' Kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej li se jsiru fil-Polonja s-sena d-dieħa, billi spiċċa fir-raba' post b'total ta' 11-il punt. 

 

It-tim nazzjonali tan-nisa ta' taħt is-17-il sena, ipparteċipaw għall-ewwel darba fl-Istorja fil-Grupp ta' Kwalifikazzjoni fl-10 Kampjonat tal-UEFA ta' taħt is-17-il sena u rebħu l-ewwel partita tagħhom, li ħabtet it-tielet waħda kontra l-Montenegro. Qabel din il-partita kellhom telfiet rispettabbli ħafna kontra l-Iżvezja u l-Greċja.

 

Chris Agius, Segretarju Parlamentari, faħħar ix-xogħol kbir li wettqet l-MFA f'dawn l-aħħar snin u qal li jħossu kburi hu wkoll li sa ftit taż-żmien ilu kien jagħmel parti mill-MFA u mill-futbol Malti.

 

Dr Muscat faħħar liż-żewġ timijiet u qal li jieħu gost li jara interess qawwi fil-futbol tan-nisa. Hu tkellem ukoll fuq it-tim nazzjonali Malti ta' taħt il-21 sena u qal li ammira l-fatt li fl-aħħar partita kontra l-Moldova, it-tim kien 2-0 minn fuq sakemm ir-riżultat sar 2-2.

"Normalment, meta jiġri hekk, it-tim jitlef il-motivazzjoni u l-moral. Intom irreaġixxejtu mod ieħor u erġajtu skurjajtu u rbaħtu l-partita. Dan jimlini bil-kuraġġ li ninsabu fit-triq it-tajba biex nikkompetu sew fil-futur. Grazzi u prosit lilkom," qal Dr Muscat.

 

Wara dawn id-diskorsi, kien imiss il-preżentazzjonijiet fejn l-MFA, permezz tas-Sur Manfre, ippreżentat żewġ inkwatri taż-żewġ timijiet lill-Prim Ministru, li min-naħa tiegħu preżenta żewġ platti kommemorattivi lill-Assoċjazzjoni.

 

Imbagħad, issejħu l-plejers u l-istaff kollha u ingħataw pinna bħala rigal mill-Prim Ministru.

 

L-MFA tirringrazzja lill-Prim Ministru Muscat u lis-Segretarju Parlamentari Agius tal-interess u l-istedina.

Official Sponsors
Commercial Partners