Malta Football Association
NEWS:
"Se nħalli warajja patrimonju" - Bjorn Vassallo
Oct 25, 2016
Posted in:
General
Fanzone
Ritratt: Domenic Aquilina
Ritratt: Domenic Aquilina

Bjorn Vassallo, Segretarju Ġenerali tal-Malta Football Association, iddedika l-aħħar parti tal-konferenza stampa tal-lum wara nofsinhar, u li fiha ttellgħu l-poloz tal-FA Trophy tat-Tielet u r-Raba' Rawnd, biex jirrispondi d-domandi tal-media lokali, fl-ewwel dehra tiegħu fil-pubbliku minn meta ħarġet il-konferma tar-riżenja tiegħu mill-MFA. Vassallo se jkun qed jingħaqad mal-FIFA, fl-uffiċju tal-President Gianni Infantino, f'kariga fuq l-Assoċjazzjonijiet Membri tal-UEFA.

 

"Se nħalli warajja patrimonju li flimkien, bis-saħħa ta' kulħadd, fl-aħħar snin, irnexxielna nimmodernizzawh u nagħtuh dak li jixraqlu. L-MFA se tibqa' parti kbira minn ħajti għal dejjem. Kull bidu fih it-tmiem u dan għalija wasal ukoll. Inħeġġeġ lil kull min xi darba jiġu fuqu affarijiet hekk biex jagħmel il-kuraġġ, ma jibżax, u jieħu l-aħjar deċiżjoni għal ġid ta' kulħadd. 

"Matul l-aħħar snin ħdimt ma' tim ta' nies professjonali biex flimkien inpoġġu l-futbol Malti f'pożizzjoni aħjar. Nammetti li fil-bidu sibt sidda diffiċli għax ċaqlaqna affarijiet li kienu ilhom staġnati snin. Iżda kuntent li min ġej warajja se jaħdem ħafna aħjar u se jkollu sodda mifruxa sew. Irrid nirringrazzja lil kull min appoġġa l-viżjoni li kellu Norman Darmanin Demajo f'dawn l-aħħar sitt snin," qal Vassallo.

 

Mistoqsi x'se jkunu l-proċeduri li jmiss fl-MFA sakemm jinħatar Segretarju Ġenerali ġdid, Vassallo qal:

"Minix se nikkumenta fuq min jista' jkun is-suċċessur tiegħi. U anqas fuq xi deċiżjonijiet li għandu jieħu. Iżda se ngħid biss il-proċess kif għandu jsir. Il-President irid jagħżel il-persuna. Bħalissa hu żmien li l-President qed jaħseb u jieħu l-pariri kollha. Meta jintagħżel il-persuna tkun trid tmur quddiem l-approvazzjoni tal-Kunsill tal-MFA," qal Vassallo.

 

Vassallo kien akkumpanjat minn Mark Attard, Media Officer tal-MFA, li fl-aħħar 6 u snin u nofs dehru f'aktar minn 200 konferenza stampa flimkien. Fuq l-istess mejda kien hemm ukoll Rodney Pisani, Deputat Segretarju Ġenerali tal-MFA, li wkoll ġie mistoqsi mill-media jekk jistax ikun potenzjalment wieħed mill-kandidati għall-kariga ta' Segretarju Ġenerali. Pisani rrisponda:

 

"Nirringrazzja lill-klabbs u lin-nies kollha tal-futbol li ċempluli u ħajruni nitfa' n-nomina. Iżda jien nemmen li xi ħaġa hekk irid jagħżilha l-President. Jien lest noqgħod għal dak li jiġi fuqi. Inkun u ma nkunx Segretarju Ġenerali, jien lest naħdem id f'id ma' min ikun u mal-linja tal-MFA," qal Pisani, li tfaħħar ukoll minn Bjorn Vassallo għal mod kif irrisponda.

 

F'mumenti minnhom, fil-kamra bdiet tinħass ċertu emozzjoni anki f'għajnejn dawk preżenti, anki wara diversi ringrazjamenti ta' persuni minn klabbs li ħassew li għandhom isemmu leħinhom u jirringrazzjaw lil Vassallo, b'fuq quddiemnett Joe Sammut, eks-President ta' Pieta' Hotspurs FC, u persuna li f'dawn l-aħħar snin ħadem viċin ħafna ma' Vassallo fil-Kunsill u l-Eżekuttiv tal-MFA. 

 

Kien l-istess mument li Vassallo ħass li għandu jirringrazzja lil kulħadd u jtemm il-konferenza. 


Official Sponsors
Commercial Partners