Malta Football Association
NEWS:
Jirriżenja Dr Chris Bonett, Viċi President
Oct 28, 2016
Posted in:
General
Fanzone

 

Il-Malta Football Association tavża li rċiviet ir-riżenja tal-Avukat Chris Bonett, Vici President u Kap tad-Dipartiment Legali, liema riżenja ngħatat bil-miktub lill-President u s-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni.

 

Dr Bonett, li beda l-ħidma tiegħu fl-MFA f’Settembru tas-sena 2010, u ġie elett bħala Viċi President tal-Assoċjazzjoni fl-2013 u mill-ġdid f’Lulju li għadda, aċċetta l-offerta tal-UEFA biex jokkupa l-kariga ta’ UEFA Integrity Officer minn Jannar li ġej.

 

L-Avukat Bonett jibqa’ sinonimu mar-riformi regolatorji li saru fl-MFA f’dawn l-aħħar snin, b’mod partikolari l-introduzzjoni tar-regolamenti fuq Financial Fair Play lokali u r-riforma tal-Player Status.

 

Wara l-aħbar tas-Segretarju Ġenerali aktar kmieni din il-ġimgħa, il-fatt li l-Avukat Bonettingħata kariga importanti fil-UEFA, tkompli tagħmel lill-MFA u mill-futbol Malti kburin, speċjalment meta jiġi kkunsidrat il-fatt li l-UEFA ħasset li l-ġlieda qalila li hi qed tagħmel kontra l-korruzzjoni fil-futbol Ewropew, għandha titmexxa minn Malti.

 

Il-Malta Football Association tawgura kull suċċess lill-Avukat Bonett fl-impenji l-ġodda tiegħu u tirringrazzjah tal-ħidma f’dawn l-aħħar sitt snin u tavża li r-riżenja ta’ Dr Bonett hi effettiva mill-1 ta’ Jannar 2017.


Official Sponsors
Commercial Partners