Malta Football Association
NEWS:
Kunsill MFA għal Novembru 2016
Nov 7, 2016
Posted in:
General
Fanzone

Mark Attard, Media Officer

 

Norman Darmanin Demajo, President tal-Malta Football Association, fetaħ il-Laqgħa billi rringrazzja lil kulħadd tal-preżenza. 

 

Bjorn Vassallo għarraf lill-Kamra li s-17-il klabb li kellhom sanzjonijiet fuqhom mill-UEFA fuq il-Financial Fair Play, issa rregolarizzaw ruħhom u ma fadalx klabb wieħed f'Malta bi problemi bħal dawn.

 

Bjorn Vassallo qal li flimkien ma' Dr Chris Bonett, Viċi President tal-MFA, kellhom laqgħa mal-Prim Ministru ta' Malta Dr Joseph Muscat, biex possibbilment jinħoloq 'One Stop Shop' fl-uffiċini tal-MFA biex titnaqqas il-burokrazija li teżisti fil-pajjiż fejn jidħlu l-applikazzjonijiet għall-klabbs li japplikaw għall-plejers li mhux ġejjin mill-Unjoni Ewropea. Vassallo qal li l-Prim Ministru laqgħa din it-talba u dan kollu mistenni jseħħ fil-jiem li ġejjin. Darmanin Demajo rringrazzja lill-Prim Ministru tal-għajnuna u l-appoġġ li dejjem sab mingħandu kull meta l-MFA kellha bżonn tal-għajnuna.

 

Vassallo qara diversi riżenji li seħħew dan l-aħħar f'Kumitat rispettivi tal-klabbs lokali. Fosthom żewġ riżenji li seħħew fil-klabb tal-Premier ta' Hamrun Spartans FC. Irriżenjaw Dr David Farrugia Sacco u Jesmond Mangion u nħatru flokhom Victor Zammit u Justin Tabone. Vassallo qal li l-MFA aċċettat in-nomina ta' Gejtu Debattista bħala President tal-istess klabb.


Vassallo qal li l-MFA ġiet infurmata li l-plejer nazzjonali Jonathan Caruana waħel żewġ partiti ta' sospensjoni u multa wara t-tkeċċija tiegħu fil-partita kontra l-Litwanja. 

 

Vassallo qal li l-MFA irċiviet is-somma ta' 455,210euro mingħand il-UEFA biex jitqassmu lill-klabbs bħala parti mill-UEFA Solidarity Funds. Il-President qal li dawn il-fondi se jitqassmu lill-klabbs Maltin f'Jannar li ġej.

 

Bjorn Vassallo qal li fl-24 ta' Ottubru li għadda ta rriżenja tiegħu lill-Beraue tal-MFA. Hu qal li din il-ħolma għalih kienet bdet 10 snin ilu meta ħass li fil-futbol Malti kien hemm bżonn li jagħmel ċaqliqa 'l quddiem.

"Dak iż-żmien ma kien faċli nikkonvinċi lill-President tal-lum. F'dawn l-aħħar 10 snin, fraħna u bkejna flimkien u ta' dan irrid nirringrazzjakom kollha. Se nħalli l-MFA fi żmien ta' evoluzzjoni. Appoġġajtu lili u konvint li se tappoġġjaw lil min se jinħatar warajja. Kont jien li għidt li l-amministraturi m'għandhom qatt jaħlu mal-istess kariga u se nkun jien li nħalli l-kariga ta' Segretarju Ġenerali. Jien missejt kull biċċa li jeżisti fil-futbol Malti, min-nursery sa klabb sa amministratur tal-MFA. Niskuża ruħi jekk weġġagħjt lil xi wħud matul is-snin, iżda setgħu kienu deċiżjonijiet li kellhi bżonn nieħu," qal Vassallo.

Dione Borg, Membru tal-Kunsill f'isem Floriana FC, indirizza lill-Kamra u rringrazzja lil Vassalo u lil Dr Chris Bonett tas-servizz kbir li taw lill-futbol Malti f'dawn l-aħħar sitt snin. Borg qal li kien bis-saħħa tagħhom it-tnejn li l-futbol Malti mar ħafna 'l quddiem bis-saħħa tagħhom.

Darmanin Demajo kompla ma' dak li qal Borg u rringrazzja lil Vassallo u lil Bonett tas-servizz kbir u l-għajnuna li sab mingħandhom. Hu qal li mhux se tkun faċli li titlef żewġt iħbieb bħal dawn u li din hi storja ta' bejnietna li ilha għaddejja 10 snin u li waslet biex tinterrompi ruħa. Hu qal li jħossu onorat li żewġ persuni li ħadmu miegħu f'dawn l-aħħar snin ġew offruti karigi daqshekk importanti fil-FIFA u fil-UEFA.

Darmanin Demajo offra lil Dr Angelo Chetcuti biex jindirizza lill-Kamra għall-ewwel darba. Chetcuti rringrazzja lill-Kamra u lill-President tal-appoġġ u l-fiduċja li sab mingħandu.

"L-applaws li qed tagħtuni ikompli jimlini bil-kuraġġ. Inwiegħed committment kbir u nwegħdkom li se nagħti dak kollu li naf għall-futbol Malti," qal Chetcuti. 

Il-kariga ta' Segretarju Ġenerali għal Chetcuti tidħol fis-seħħ mill-1 ta' Diċembru li ġej.

 

Vassallo tkellem fuq il-kariga ta' Viċi President tal-MFA u r-riżenja ta' Dr Chris Bonett. Hu qal li Bonett irriżenja mill-kariga fit-28 ta' Ottubru u li l-Laqgħa Ġenerali Straordinrja biex jinħatar Segretarju Ġenerali ġdid se ssir fis-6 ta' Diċembru li ġej. Vassallo qal li ċ-ċans biex wieħed jitfa' n-nomina hi mil-lum sat-18 ta' Novembru.

Bonett indirizza lill-Kamra u qal li llum wasal fi stat fejn kultant ma jemminx li daħal f'uffiċju 6 snin ilu u li minnu wettaq tant affarijiet kbar għall-klabbs Maltin. 

"Nirringrazzjakom kollha tal-appoġġ li dejjem tajtuni. Meta nħares lura niftakar fi rġiel ta' vera li kellhi quddiemi għal dawn l-aħħar snin u li kollha kemm huma jħobbu b'passjoni kbira lill-futbol Malti. Ta' dan għandi kliem ta' tifħir kbir għalikom kollha. Se nġorrkom f'qalbi kollha u mhu se ninsikom qatt. L-MFA inħobba ħafna u se nibqa' nħobba. Se nibqa' niltaqa' magħkom kollha fis-snin li ġejjin," qal Bonett.

Darmanin Demajo kellu kliem ta' tifħir kbir lejn ix-xogħol li wettaq Bonett matul l-aħħar snin. Hu qal li mingħand Bonett tgħallem li fil-futbol malti hawn nies li verament iħobbu l-logħba tal-futbol u li biex issir il-bidla li għamilna ma stajnix nibdlu kollox minn lejl għal nhar. Hu rringrazzja lil Bonett tax-xogħol kbir li għamel u awguralu għall-futur. 

 

Norman Darmanin Demajo qal li ħatar lil Peter Busuttil fil-kariga ta' Supporter Liaison Officer. Il-kariga ta' Busuttil se tkun dik li jisma' lill-partitarji kollha, l-aktar tal-klabbs tal-Kampjonat BOV Premier, biex iressaq l-ilmenti u issues oħra li jista' jkollhom minn żmien għal żmien. Busuttil se jkun qed jieħu ħsieb ukoll il-marketing tal-Family Stand fl-Istadium Nazzjonali, f'Ta' Qali.

 

Darmanin Demajo qal li fuq il-partita Litwanja vs Malta, s'issa l-MFA m'għandha xejn ġdid u li għandha hu rapport mingħand kumpanija li taħdem mal-UEFA u li fih jgħid li kien hemm bettingqawwi fuq il-partita. Il-President qal li jaf hu li daħal uffiċjal tal-FIFA fid-dressing room tat-tim nazzjonali Malti xi 10 minuti qabel il-kick off u qara komunikat tal-FIFA rigward dan kollu. Darmnain Demajo qal li dawn mhux affarijiet li jsiru ftit ħin qabel xi partita tkun liema tkun u qed jistenna spjegazzjoni mingħand il-FIFA għax fl-opinjoni tiegħu dawn l-affarijiet li bniedem iċappas lil kulħadd m'għandhomx isiru.

Official Sponsors
Commercial Partners