Archives

Qed nistenna l-aqwa reazzjoni possibbli - Ghedin

Published: 10-11-2016 14:25
image1 (102)
image2 (33)
image3 (16)
image4 (101)
Mark Attard, Media Officer Pietro Ghedin, il-kowċ nazzjonali ta' Malta, qal li wara l-partita kontra l-Litwanja, qed jistenna l-aqwa reazzjoni possibbli mill-plejers tiegħu fil-partita ta' għada kontra s-Slovenja."Ninsabu pożittivi. Irridu ninsew kemm jista' jkun malajr it-telfa ta' kontra l-LItwanja u l-paroli kollu li qam fuqha. Ninsabu motivati u qed nistenna l-aqwa reazzjoni possibbli minn kulħadd," qal Ghedin fl-ewwel kummenti tiegħu lill-media. "Hemm bżonn li nilagħbu tajjeb u noħorġu aktar mill-qoxra difensiva tagħna. Biex inkunu kompetittivi jridu jilagħbu l-plejers fl-aqwa forma u għada se jkunu qed jilagħbu dawn. Se jilagħbu ħdax, iżda t-tim nazzjonali għandu 20 plejer, għandu n-nies kollha tal-futbol u għandu l-poplu Malti kollu," spjega l-kowċ nazzjonali.  Mistoqsi fuq it-tim nazzjonali u l-wirjiet li kellu dan l-aħħar, Ghedin wieġeb:"Il-futbol magħmul mill-grinta, mid-determinazzjoni u l-imħabba lejn dan l-isport. Jekk waħda minn dawn tonqos jista' jkollok il-problemi. Għada rridu nagħtu wirja kollettiva, ilkoll flimkien. Nittama li l-partitarji jgħinuna wkoll f'dan kollu," qal Ghedin.  Mistoqsi fuq il-possibbilment deċiżjoni li ħarġet ilbieraħ mill-Istanding Committee tal-klabbs tal-Premier li l-Kampjonat BOV jiġi bi 11-il barrani, Ghedin qal:"Minix naħseb fuq dan. Dawk affarijiet li trid tiddeċidihom l-MFA u l-Kunsill. Ilha tissemma xi ħaġa bħal din imma s'issa qatt ma saret. Jista' jkollha t-tajjeb u l-ħażin tagħha. Għalija jiddependi ħafna mil-livell ta' barranin li nibdew naraw," qal Ghedin.  Fl-istess konferenza tkellem Rowen Muscat, il-plejer ta' Birkirkrara FC. Mistoqsi fuq is-Sloveni u kif qed jara din il-partita, Muscat qal li diġa' lagħab darba kontra ħafna minn dawn il-plejers Sloveni ta' għada meta kien fit-tim ta' taħt il-21 sena."Kontra s-Sloveni lgħabt darba meta kont mat-tim ta' taħt il-21 sena. Plejers b'saħħithom u professjonisti kbar. Naf sew x'isarfu. Kellna partiti li stajna nieħdu xi ħaġa minnhom diġa' imma ġiena kollox ħażin. Irridu naħdmu aktar u ningħaqdu iktar mis-soltu. Għada se nippruvaw nieħdu xi ħaġa," qal Muscat. Mistoqsi fuq sħabu u l-plejers ġodda li sejjaħ Ghedin u dawk li m'għażilx, Muscat qal:"Il-kowċ għandu dritt jagħżel il-plejers li jaħseb li huma l-aħjar fil-mument. Kull plejer li jkun għaddej minn forma tajba għandu d-dritt li jingħata ċans. U min ma jkunx qiegħed sew jista' jinqala' bħal ma nqlajt jien kontra l-Iskozja. Dawn affarijiet normali fil-futbol," qal Muscat. Mistoqsi fuq il-partita tal-Litwanja u l-fatt li uffiċjal tal-FIFA daħal fid-dressing room ftit minuti qabel il-bidu tal-konfront, Muscat wieġeb:"Jien dejjem ikkonċentrajt fuq il-partita. Affarijiet oħra qatt ma ħsibt fuqhom. Fil-verita', qatt ma kont smajt u anqas rajt xi ħaġa bħal dik li tiġri ftit minuti qabel il-kick off. Dawk mumenti li kull plejer ikun iffukat fuq il-plogħba u xejn aktar, inkluż jien," qal Rowen Muscat.