Malta Football Association
NEWS:
B'vot b'saħħtu l-EGM jiftaħ il-bibien beraħ għal bidliet kbar fl-istatut tal-MFA
Jul 27, 2021
Posted in:
General

Il-laqgħa ġenerali straordinarja tal-Malta Football Association imsejħa t-Tnejn filgħaxija approvat riformi mportanti kollha parti mill-istrateġija 2024 tal-Assoċjazzjoni u l-islogan #WeCanPerformBetter.


  

Dan kollu wara proċess wiesa ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders kollha fi ħdan il-familja tal-Futbol biex jiġi emendat l-istatut eżistenti, li għandu jwassal għal framework regolatorju aħjar fl-implimentazzjoni ta' governanza aktar effettiva.

 

Bħala parti min din ir-riforma fl-istatut, uffiċjali fi klabbs se jkunu suġġett ta’ process ta’ due diligence u ma’ jridx ikollhom konflitt ta’ nteress.

 

Permezz ta’ dawn ir-riformi, l-Assoċjazzjoni se tkun qed tippromwovi l-potenzjal u l-abiltajiet tal-mara b’parteċipazzjoni ekwa u l-opportunita għan-nisa li jkollhom vuċi anke fl-ogħla organi tal-assoċjazzjoni fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet.

 

Minn issa ‘l quddiem se jiġu aboliti kumitati li għal snin twal ikkaraterizzaw id-deċiżjonijiet tal-Assoċjazzjoni, dawn huma l-Bureau, l-Kunsill u l-laqgħa tal-membri tal-Kumitat Eżekutttiv.

 

Minflokhom se jiġi ntrodott Bord Eżekuttiv magħmul minn 24 individwu elett li jirrifletti anke rappreżentazzjoni aktar ġusta.

 

Tliet assemblej ġenerali matul is-sena se jkunu qed jieħdu post il-laqgħa ġenerali annwali tal-Assoċjazzjoni li sa ġimgħa ilu kienet issir f’Lulju u tagħlaq u tiftaħ staġun.

 

Assoċjazzjonijiet membri bħal kowċis, Futbol tan-Nisa, Futbol f’Għawdex, Futsal, Beach Soccer u Futbol taż-żgħażagħ se jibda jkollhom rappreżentanza diretta fil-Bord Eżekuttiv.

 

Sadanittant parti min din ir-riforma, l-Assoċjazzjoni tal-plejers, l-MFPA, il-veterani, GIDA u SWAN huma sieħba ġodda fl-Assoċjazzjoni.

 

Saħansitra anke l-grupp ta’ partitarji tat-Tim Nazzjonali, s-South End Core ġew mogħtija status ta’ osservaturi fl-assemblej ġenerali, bil-membri hawnhekk iridu jiġu rappreżentati minn delegat jew is-sostitut tiegħu u ma’ jridx ikun membru elett f’Bord Ezekuttiv.

 

Fil-konferenza tal-aħbarijiet it-Tlieta li segwit l-approvazzjoni, l-President tal-Malta Football Association Bjorn Vassallo, s-Segretarju Ġenerali Dr. Angelo Chetcuti u l-Viċi President Dr. Matt Paris, dan tal-aħħar li mexxa ‘l quddiem il-proċess kollu qabel ma’ finalment ġie approvat fl-EGM it-Tnejn, kollha ddeskrivew dan il-mument bħala fundamentali u storiku li jirriflettu maturita minn dawk kollha nvoluti (stakeholders), biex il-Futbol Malti verament jagħmel dik il-qabża ‘l quddiem, fl-implimentazzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet aħjar, ġustizzja sportiva u fairplay finanzjarju.

 

Semmew li dak approvat fl-EGM fil-bidu ta' din il-ġimgħa huwa ħolqa minn kullana ta’ rekwiżiti li jinkludi ukoll il-liċenzjar tal-klabbs u ristrutturar fil-governanza, kollha parti mit-trasparenza meħtieġa li fl-aħħar mill-aħħar minnha għandhom igawdu ukoll il-klabbs biex joperaw bl-aktar mod professjonali u diliġenti.

Official Sponsors
Commercial Partners