Archives

MALTA KBURIJA BIT-TIM NAZZJONALI TAL-FOOTBALL TAN-NISA

Published: 15-05-2013 19:20
image1 (102)
image2 (33)
image3 (16)
image4 (101)
Il-Prim Ministru Joseph Muscat laqa’ lit-tim nazzjonali Malti tal-football tan-nisa li ftit tal-ġimgħat ilu kiteb l-istorja meta spiċċa fl-ewwel post tal-grupp tiegħu u kkwalifika għall-fażi li jmiss tat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa organizzata mill-FIFA li se ssir fl-2015.   Id-diriġenti, players u kowċis tkellmu mal-Prim Ministru dwar l-impenji tagħhom f’isem pajjiżna u kif, minkejja li l-football femminili f’Malta ilu biss għaxar snin jintlagħab fuq livell ta’ nazzjonal, diġa sar progress qawwi u, illum il-ġurnata, dan l-isport qed jiġi mgħallem lill-bniet sa minn eta’ zgħira. Wara li tlaqqa’ mal-kontiġent mill-kowċ nazzjonali Pierre Brincat u l-captain tat-team Rebecca D’Agostino, l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Malta hija kburija bir-rizultati impressjonanti li qed jikseb it-tim nazzjonali tan-nisa, fi sport li tradizzjonalment huwa aktar assoċjat mal-irġiel. Filwaqt li ħeġġiġhom li jkomplu jagħtu l-aħjar tagħhom għal pajjiżna, l-Prim Ministru qal li l-Gvern se jsegwi aktar mill-viċin lil dan it-team u jinsab kommess li jagħti kull appoġġ biex il-players ikomplu jiżviluppaw it-talenti tagħhom bl-aktar mod professjonali. Minn naħa tiegħu, il-Viċi President tal-Malta Football Association Ludovico Micallef rringrazzja lill-Prim Ministru talli sab il-ħin jilqa’ lit-tim nazzjonali Malti tal-football tan-nisa li fl-aħħar ġimgħat kiseb suċċess li bħalu qatt ma kien sar qabel. Qal li dan it-tim qed jimpenja ruħu biex, mhux biss jikkompeti, imma jagħti l-aqwa prestazzjonijiet possibli u jakkwista l-aqwa riżultati possibli kontra oppożizzjonijiet qawwija li ilhom fix-xena ferm iktar minn Malta. Fi tmiem l-attivita` l-Prim Ministru kien ippreżentat b’ritratt kommemorattiv tat-tim nazzjonali Malti tan-nisa filwaqt li ż-żewġt ibniet tal-Prim Ministru ngħataw żewġ flokkijiet tat-tim nazzjonali, bl-ismijiet fuqhom. Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministru Helena Dalli u s-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo.