Malta Football Association
NEWS:
Dusan Fitzel iżur l-MFA u jiltaqa’ mal-membri tal-Kumitat Eżekuttiv
Aug 1, 2013
Posted in:

Dusan Fitzel, l-eks-kowċ nazzjonali tat-tim nazzjonali Malti, kellu żjara fil-bini tal-Malta Football Association f’Ta’ Qali, t-Tlieta wara nofsinhar, fl-istess ħin li tlaqqa’ l-ewwel darba l-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA wara l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-20 ta’ Lulju.


 

Fitzel, ingħata merħba sabiħa u kien mistieden fil-kamra tal-Eżekuttiv tal-MFA mill-President Norman Darmanin Demajo fejn iltaqa’ mal-membri kollha preżenti u ingħata wkoll iċ-ċans li jgħid kelmtejn.

 

Darmanin Demajo faħħar is-servizz li kien ta Dusan Fitzel fit-tliet snin u nofs li għamel f’pajjiżna u stiednu biex jibqa’ viċin tal-Assoċjazzjoni. Min-naħa tiegħu Dusan Fitzel stqarr li għadu jsegwi r-riżultati tat-tim Malti u feraħ lill-MFA għal prestazzjonijiet matul l-aħħar logħbiet fejn saħaq li ra progress kbir mit-tim.

 

Il-kowċ mis-Slovakkja, li huwa wkoll membru attwali fuq il-JIRA Panel tal-UEFA, kien mexxa lit-tim nazzjonali Malti għal 36 partita. Minnhom kiseb tliet rebħiet u erba’ draws. Hu jibqa’ mfakkar l-aktar għar-rebħa ta’ 2-1 kontra l-Ungerija f’Ta’ Qali fis-26 ta’ Ottubru 2006, għad-draw ta’ 1-1 fil-Moldova fl-24 ta’ Marzu 2007 u għad-draw ta’ 2-2 f’Ta’ Qali kontra t-Turkija fit-8 ta’ Settembru 2007.

 

Dusan Fitzel huwa preżentament id-Direttur Tekniku tal-Federezzjoni tal-Futbol tar-Repubblika Ċeka.

 

Iż-żjara fil-bini tal-Assoċjazzjoni ntemmet b’laqgħa kordjali mad-Direttur Tekniku, Robert Gatt, fiċ-Ċentru Tekniku.

 

 

Mark Attard

Malta Football Association

Press Officer

Official Sponsors
Commercial Partners