Malta Football Association
NEWS:
Laqgħa bejn l-amministrazzjoni l-ġdida tal-MFA u l-Prim Ministru f’Kastilja
Aug 9, 2013
Posted in:
photo credit - Dominic Aquilina
photo credit - Dominic Aquilina

  • photo credit - Dominic Aquilina
  • photo credit - Dominic Aquilina
  • photo credit - Dominic Aquilina
  • photo credit - Dominic Aquilina
  • photo credit - Dominic Aquilina

“L-MFA investiet ħafna fl-infrastruttura u issa għandha bżonn l-aħħar imbuttatura mill-Gvern biex tikkonkludi l-proġetti li bdiet tliet snin ilu” – Norman Darmanin Demajo, President MFA

 

Il-Pulizija se tkun qed tikkolabora mal-MFA biex jiġu investigati bis-serjeta’ l-każijiet kollha li jitressqu quddiemha” – Dr. Joseph Muscat, Prim Ministru


 

L-amministrazzjoni l-ġdida tal-MFA, immexxija mill-President Norman Darmanin Demajo, kellha laqgħa ma’ Dr. Joseph Muscat, Prim Ministru ta’ Malta, fl-uffiċju tiegħu f’Kastilja, il-Belt Valletta.

 

Għal din il-laqgħa, ġew diskussi diversi temi ta’ importanza għall-MFA u l-Gvern Malti. Issemmew l-assistena finanzjarja mill-Gvern fuq proġetti infrastrutturali tal-MFA u kif ukoll ir-reviżjoni tal-kuntratti tal-konċessjonijiet ta’ art pubblika lill-klabbs biex jiġu kummerċjalizzati.

 

Darmanin Demajo qal li, “L-MFA investiet ħafna fl-infrastruttura u issa għandha bżonn l-aħħar imbuttatura mill-Gvern biex tikkonkludi l-proġetti li bdiet tliet snin ilu. L-isport spiss joffri karriera qasira u għalhekk hu pożittiv li l-Gvern jikkunsidra inċentivi fiskali li jħajjru li min jippratika l-isports minkejja l-isfidi finanzjarji.”

 

Dwar il-kuntratti ta’ kirjiet li għandhom il-klabbs lokali fis-siti tagħhom, u li ma jippermettulhomx li jdaħħlu elementi kummerċjali fihom, il-President tal-Malta Football Association qal li hemm bżonn tibdil biex il-klabbs ikunu jistgħu jassiguraw is-sostennibilita’ tagħhom.

 

Darmanin Demajo saħaq fuq l-importanza ta’ rata ta’ taxxa speċjali għal min jaħdem fl-isport u għall-kollaborazzjoni aktar stretta bejn il-Gvern u l-MFA fil-ġlieda kontra l-‘match fixing’. Fil-preżenza tal-Prim Ministru, Darmanin Demajo faħħar ix-xogħol u l-impenn li qiegħed jagħmel fil-futbol u fl-isport kollu Dr. Stefan Buontempo, Segretarju Parlamentari, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Innovazzjoni u l-Isport.

 

Min-naħa tiegħu, Dr. Muscat qal li l-impenn tal-Gvern hu dak li jagħti l-appoġġ meħtieġ, fuq livelli differenti, fl-iżvilupp tal-isport lokali.  Il-Prim Ministru saħaq li fost l-oħrajn, il-Gvern kommess li jgħin fl-infrastruttura sportiva li hi waħda mill-prioritajiet li fuqha ġiet eletta l-amministrazzjoni preżenti.

 

Il-Prim Ministru semma l-bżonn li l-klabbs lokali tal-football jibdew jaħdmu b’setup iktar professjonali, mhux biss minħabba l-obbligi internazzjonali, iżda anke għaliex dan iwassal għal iktar investiment u iktar pjanar fit-tul.

 

“Il-Gvern se jkun impenjat ukoll li jagħti l-għodda leġislattivi kollha meħtieġa biex il-Malta Football Association issaħħaħ il-ġlieda tagħha kontra dawk l-affarijiet li jmorru kontra l-ġenwinita tal-isports. Il-korruzzjoni fil-futbol m’għadhix fuq l-istess livell ta’ dik li kienet sa ħames snin ilu. Il-Pulizija se tkun qed tikkolabora mal-MFA biex jiġu investigati bis-serjeta’ l-każijiet kollha li jitressqu quddiemha.”

 

Il-laqgħa ntemmet biż-żewġ partijiet jaqblu fuq diversi temi li tkellmu fuqhom biex dan kollu kompla jsaħħaħ ir-relazzjoni b’saħħitha li hemm bejn l-MFA u l-Gvern ta’ Malta.

 

Jakkumpanja lill-Prim Ministru Muscat kien hemm Dr. Stefan Buontempo, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Innovazzjoni u l-Isport u Sandro Craus, Uffiċjal fis-Segretarjat tal-Prim Ministru.

 

L-amministrazzjoni tal-MFA kienet tikkonsisti f’Norman Darmanin Demajo (President), Joe Gauci (Segretarju Ġenerali), Ivan Mizzi (Teżorier), Ludovico Micallef, Dr. Chris Bonett u Alex Manfre’ (Viċi Presidenti) u Bjorn Vassallo (Kap Eżekuttiv).

 

 

 

 

Mark Attard

Malta Football Association

Press Officer

Official Sponsors
Commercial Partners