Malta Football Association
NEWS:
Qiegħed nistenna l-aqwa prestazzjoni possibbli mill-plejers tiegħi”– Pietro Ghedin
Oct 14, 2013
Posted in:
photo credit - Dominic Aquilina
photo credit - Dominic Aquilina

“Kontra r-Repubblika Ċeka ma lagħbnix tajjeb. Issa qiegħed nistenna l-aqwa partita possibbli mill-plejers tiegħi.”


 

Hekk beda l-intervent tiegħu Pietro Ghedin, il-kowċ nazzjonali Malti fil-konferenza stampa ta’ qabel il-partita ta’ għada kontra d-Danimarka li se tintlagħab fil-Parken Stadium, f’Copenhagen.

 

“Mhux se tkun faċli għax anki jekk iċ-ċansijiet tal-kwalifikazzjoni għad-Daniżi huma minimi ħafna, xorta se jkunu qegħdin jagħmlu dak kollu possibbli biex jispiċċaw l-impenji tagħhom b’rebħa tajba.”

 

Meta mistoqsi fuq il-prestazzjonijiet inġenerali tat-tim nazzjonali Malti f’dan il-Grupp B, Ghedin wieġeb li l-punti u d-distakk bejn it-timijiet f’dan il-Grupp jihxdu li kien fost l-aktar diffiċli minn madwar l-Ewropa kollha.

 

“Kien Grupp tal-azzar. Biżżejjed wieħed jara kif bl-eċċezzjoni tal-Italja, it-timijiet l-oħra jinsabu kollha ġo xulxin. Diffiċli tgħid minn kien l-aħjar tim wara l-Italja minn dan il-Grupp.”

 

It-tim nazzjonali Malti ġej minn telfa deludenti ta’ 4-1 f’Ta’ Qali, partita li ntlagħbet il-Ġimgħa u li l-aspettattivi għaliha kienu ħafna ikbar.

 

Alex Muscat, id-difensur internazzjonali Malti sostna li hu u sħabu urew diġa’ li kapaċi jqumu għall-okkażżjoni f’partiti bħal dawn.

 

“Diġa’ ġralna l-istess meta lagħbna kontra l-Bulgarija u tlifna 6-0. Fil-partiti li ġew wara urejna li kapaċi nqumu għall-okkażżjoni u nagħtu sfida denja lil kulħadd. Għada nispera li tkun l-istess. Se nagħmlu minn kollox biex inkunu konċentrati f’kull ħin tal-partita. Ma nistgħux nagħmlu aktar żbalji banali.

 

Mistqosi mill-media Daniża fuq liema jaħseb li hu l-aqwa tim f’dan il-Grupp wara l-Italja, Muscat wieġeb,

 

“Kollha timijiet b’saħħithom u li għandhom plejers validi. L-Italja klassi għalihom. Iżda jkolli nagħżel tim li tagħna l-ikbar sfida mmur fuq ir-Repubblika Ċeka. Naħseb li kontriehom l-aktar li sofrejna fiż-żewġ partiti.”

 

It-tim nazzjonali jilgħab l-aħħar partita minn Grupp B għada fit-8.15pm fil-Parken Stadium, f’Copenhagen.

 

Il-partita se tixxandar diretta fuq TVM 2.   

 

 

Mark Attard  jirrapporta minn Copenhagen

Official Sponsors
Commercial Partners