Malta Football Association
NEWS:
“Wasalna fl-istadju li bdejna nilagħbu mal-ġganti”– Pierre Brincat
Nov 23, 2013
Posted in:
photo credit - Dominic Aquilina
photo credit - Dominic Aquilina

  • photo credit - Dominic Aquilina
  • photo credit - Dominic Aquilina
  • photo credit - Dominic Aquilina
  • photo credit - Dominic Aquilina
  • photo credit - Dominic Aquilina

“Wasalna fl-istadju li bdejna nilagħbu mal-ġganti tal-futbol tan-nisa. Għamilna passi kbar f’dawn l-aħħar snin. Kienet sena pożittiva ħafna għalina. Żgur li mhux se naqtgħu qalbna issa.”

Hekk fetaħ il-konferenza stampa Pierre Brincat, il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti tan-nisa, illum wara nofsinhar, jumejn qabel il-partita kontra d-Danimarka, valida mill-Grupp 3 ta’ kwalifikazzjoni għall-FIFA World Cup 2015.


 

 

Il-partita se tintlagħab il-Ħadd, fis-Centenary Stadium, f’Ta’ Qali fis-2.00pm u Brincat ħabbar l-iskwadra sħiħa u anki l-formazzjoni probabbli f’din il-konferenza. Iżda mistoqsi x’jaf fuq l-avversarji tagħna, Brincat wieġeb,

 

“Tim b’saħħtu ħafna. Fil-futbol tan-nisa, in-Nordiċi jeċċellaw. Diġa’ lagħbna partita waħda kontra l-Iżrael u tlifniha 2-0. Mhux riżultat li jħammrilna wiċċna. L-Iżraeljani tim tekniku ħafna u skurjawlna darbtejn fit-tieni taqsima meta bdiet dieħla l-għajja u allura l-moħħ ma jibqax ikkonċentrat kif suppost. “

 

Brincat ma naqasx milli jfaħħar il-plejers nazzjonali kollha ta’ Malta u sostna li wieħed għandu jkun kburi bihom għax biex jilagħbu għall-pajjiżhom dawn jagħmlu sagrifiċċji kbar u personali.

 

“Biex il-plejers nazzjonali nisa se jilgħabu l-partiti kollha, se jkollhom jieħdu mil-leave personali tagħhom. Għandi oħrajn li mhux se jkunu dejjem mal-iskwadra għax ma ngħatalhomx permess għal-leave fil-ġranet tal-partita. Madankollu xorta se nagħmlu l-almu tagħna. M’għandnix x’nitilfu. Nispera li nagħtu sfida denja.”

 

Tkellmet ukoll Rebecca D’Agostino, il-captain tat-tim nazzjonali Malti. Hi sostniet li diġa’ qed tidher id-differenza bejn dan il-Grupp u l-partiti ta’ qabel.

 

“Id-differenza bejn dawn it-timijiet u l-partiti ta’ qabel dehret diġa’ fl-ewwel partita. L-Iżrael tim tajjeb ħafna u hemm differenza enormi bejnhom u bejn l-iskwadri li ffaċċjajna biex wasalna s’hawn.”

 

Id-Danimarka jinsabu fit-12-il post fir-rankings mondjali tal-FIFA, filwaqt li Malta tinsab fit-88 post, fejn jidħol il-futbol tan-nisa.

D’Agostino sostniet li l-aktar imprtanti għaliha u għal sħaba hu li ma jibżgħux u li kulħadd jagħti l-mija fil-mija tiegħu.

 

Fl-istess konferenza tkellmet ukoll Esther Sant, Co-Founder Action for Breats Cancer Foundation li ssejħet appost għal din il-konferenza biex tirringrazzja lill-MFA u lit-tim nazzjonali Malti tan-nisa talli aċċettaw li jilagħbu b’ċoff roża, li hu s-simbolu tal-għaqda tagħhom.

 

“Għandna unur li se nsemmgħu leħinnha hawn. Irridu li nifirxu messaġġ pożittiv fost in-nisa ta’ talent. Nixtieq li nieħu l-opportunita’ li nirringrazzja lill-plejers nazzjonali kollha u lill-MFA talli aċċettaw dan kollu.”

 

Sadanittant, hekk kif intemmet il-konferenza, Mark Aquilina, iċ-Chairman tal-Women’s Standing Committee tal-MFA għamel preżentazzjoni lis-Sinjura Sant fejn fiha kellu donazzjoni għall-Għaqda tagħha li nġabret mill-klabbs lokali Maltin u mill-plejers femminili li jilagħbu fil-kampjonati lokali f’Malta kollha.

 

Intant, il-formazzjoni probabbli li Pierre Brincat beħsiebu jibda biha hi din:

 

1.     Xuereb

2.     Formosa

3.     Zahra

4.     D’Agostino

5.     Zammit

6.     Theuma

7.     Cuschieri

8.     Sammut

9.     Buttigieg

10.  Carabott

11.  Parnis

Official Sponsors
Commercial Partners