Archives

Iffirmat ftehim bejn l-MFA u l-Gvern b’valur ta’ €3 miljun

Published: 16-12-2013 20:35
image1 (102)
Il-Malta Football Association iffirmat ftehim mal-Gvern Malti b’valur ta’ €3 miljun fuq erba’ snin. Il-ftehim kien iffirmat bejn Norman Darmanin Demajo, President tal-MFA u Dr. Stefan Buontempo, Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport.  Dan il-ftehim jinkludi fih id-diversi xogħlijiet li se jsiru fi 11-il grawnd f’Malta u f’Għawdex, fosthom il-grawnd tal-Isla f’Kordin, il-grawnd tal-Belt u anke x-xogħlijiet ta’ ristrutturar fl-istadium ta’ Hibernians FC. Waqt iċ-ċerimonja tal-iffirmar tal-ftehim, li saret fil-bini tal-MFA f’Ta’ Qali, Darmanin Demajo qal li l-futbol għaddej minn żmien partikolari speċjalment meta wieħed jikkunsidra r-regoli tal-fairplay mill-UEFA. “Dan il-ftehim hu parti minn dak li għandu jsir fil-futur fejn l-assoċjazzjonijiet u l-klabbs jingħataw l-għodod kollha biex imexxu l-għaqda tagħhom. Għalhekk l-MFA se tkun qed taħdem mal-Gvern biex isiru tibdiliet fil-Liġi ħalli l-klabbs ikunu sostenibbli,” sostna l-President tal-MFA. Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li fil-ġimgħatejn li għaddew il-Gvern wettaq diversi wegħdiet elettorali, intiżi biex jissaħħaħ l-isport f’pajjiżna. “Dan il-ftehim, li hu l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, se jwassal biex f’dawn il-grawnds jintlagħab il-logħob li se jsir f’Malta tal-UEFA ta’ taħt is-17-il sena. Hu kompla jgħid li dan il-ftehim hu parti minn kullana ta’ inizjattivi, fosthom il-ftehim mal-Kumitat Olimpiku Malti, il-bini tal-waterpolo pitch ta’ Birżebbuġa u l-estensjoni tal-iskema 20/20.” Dr Buontempo temm jgħid li permezz tar-riforma fl-isport li se tkun qed titnhieda, se jkunu l-assoċjazzjonijiet li jmexxu l-isport bil-Gvern ikun regolatur.