Malta Football Association
NEWS:
Gowl għall-Istrina 2013
Dec 16, 2013
Posted in:
photo credit  - Joe Borg
photo credit - Joe Borg

Illum saret il-konferenza stampa bit-tema ‘Gowl għall-Istrina 2013’, fejn tnehdiet l-attivita’ annwali, li din is-sena se terġa’ ssir fis-Centenary Stadium, f’Ta’ Qali, fis-26 ta’ Diċembru li ġej.


 

 

Bjorn Vassallo, Kap Eżekuttiv tal-Malta Football Association, fetaħ il-konferenza beda billi qali li l-Assoċjazzjoni hi u se tkun dejjem disponibbli għal attivitajiet nobbli bħal dawn li jsiru biex jgħinnu lil min hu fil-bżonn. Hu faħħar il-ħidma ta’ kull min sena wara sena kien involut f’affarijiet bħal dawn u qal li l-MFA dejjem ippruvat tgħin bl-aħjar mezzi tagħha.

 

“Ninsabu onorati li bħala Assoċjazzjoni nagħtu l-kontribut tagħna f’affarijiet bħal dawn. Nixtieq nirringrazzja lil kull min jagħti s-sehem tiegħu. Iżda ma nistax ma nirringrazzjax lill-Eċċellenza Tiegħu Dr. Gorg Abela, li għalih se tkun l-aħħar ‘Gowl għall-Istrina’ qabel jispiċċa t-terminu. Dr Abela għamel affarijiet kbar fil-ħames snin li ilu President ta’ Malta,” qal Vassallo.

 

Il-Kulunell Mark Mallia, mill-Uffiċju tal-President ta’ Malta, tkellem ukoll f’din il-konferenza fejn f’isem il-President irringrazzja lil kull min b’xi mod jagħti s-sehem tiegħu.

 

“L-appoġġ li sibna ta’ kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin kien wieħed inkredibbli. M’għandix kliem biex nirringrazzjakom. Aħna lkoll nemmnu li l-futbol hu sport li jgħaqqad u jagħmel ħbieb ġodda u permezz ta’ din l-attivita’ tissaħħaħ l-għaqda bejn xulxin u fl-istess ħin ngħinu f’kawża nobbli bħalma hi l-Istrina.”

 

Fl-istess konferenza tkellmu Christian Micallef u Dr Matthew Paris, f’isem il-programm Replay fuq NET TV u Clinton Buhagiar u Antvin Monsigneur, f’isem l-Argument u ONE TV fejn ħabbru li l-attivita’ se ssir fis-2.00pm fic-Centenary Stadium, l-għada tal-Milied, u li fiha se jipparteċipaw erba’ timijiet.

 

Huma qalu li bħalissa, fiż-żewġ programmi rispettivi, qiegħda ssir promozzjoni biex jinbiegħu flokkijiet ta’ diversi plejers rispettivi, bil-għan li jinġabru kemm jista’ jkun fondi b’risq din l-attivita’. Fost l-aktar affarijiet ta’ prestiġju, wieħed isib il-flokk ta’ Mario Balotelli tal-Italja, il-flokk ta’ Giuseppe Rossi ta’ Fiorentina u l-flokk ta’ Federico Marchetti tal-Lazio.

Official Sponsors
Commercial Partners