Malta Football Association
NEWS:
Tibda t-tieni fażi tal-Kampjonat BOV Premier
Feb 20, 2014
Posted in:
General
BOV Premier League

Is-Sibt li ġej tibda t-tieni fażi tal-Kampjonat BOV Premier fejn kollox qiegħed jindika li għal darb’oħra, il-protagonisti għar-rebħ tat-titluta’ dan l-istaġun se jerġgħu jkunu Birkirkara, iċ-champions lokali, flimkien ma’ Valletta u Hibernians.


 

F’din il-ġurnata se jintlagħbu erba’ partiti fl-istess ħin, tnejn fil-Victor Tedesco Stadium u tnejn fil-Hibernians Stadium. Il-partiti jibdew fis-2.00pm u l-4.00pm.

 

Fl-istadium tal-Hamrun Spartans, ikollna żewġ partiti mir-Relegation Pool. L-ewwel waħda tkun bejn Rabat Ajax u Naxxar Lions, mentri t-tieni waħda tkun bejn Tarxien Rainbows u Vittoriosa Stars. L-erba’ timijiet iridu akkost ta’ kollox jieħdu l-punti mill-konfronti tagħhom biex jibdew fuq nota tajba u ma jkunux qegħdin jipperikolaw aktar is-sitwazzjoni tagħhom li jisfaw relegati.

 

F’Kordin, Floriana jilagħbu kontra Qormi mentri Hibernians għandhom bżonn ta’ rebħa kontra Mosta biex jibqgħu jżommu l-pass mat-tnejn ta’ qabilhom.

 

Il-Ħadd, il-Kampjonat BOV Premier jiċċaqlaq għall-istadium nazzjonali f’Ta’ Qali fejn hemmhekk jintlagħbu l-aqwa żewġ partiti ta’ tmiem il-ġimgħa.

 

Fis-2.00pm, Balzan jilagħbu kontra Birkirkara. Il-Yellows jibdew favoriti mir-rebħa iżda wieħed ma jistax ma jieħux b’attenzjoni massima lill-Balzanin li kellhom diversi prestazzjonijiet pożittivi li wassluhom biex assiguraw post fiċ-Championship Pool.

 

L-aħħar partita tal-weekend tkun l-iktar waħda mistennija bejn Valletta u Sliema Wanderers. Il-Beltin jibdew xi ftit iktar favoriti anki għax minn meta għamlu r-ristrutturar fit-tim tagħhom, l-iskwadra tidher li żiedet fil-livell.

 

Sliema Wanderers jittamaw li jirbħu din il-partita wkoll. Jekk jiġri hekk ikun ifisser kobba aktar imħabbla bil-Blues li mingħajr dubju ta’ xejn jidħlu fit-taqtiegħa għar-rebħ tal-unuri mat-tlieta ta’ qabilhom.

Official Sponsors
Commercial Partners