General

MALTA FA GENERAL ASSEMBLY – PRESIDENT’S SPEECH

Published: 19-07-2024 20:29
General Assembly_July2024_bjorn10.jpg

Il-President jenfasizza fuq is-sostenibbilta fid-diskors tiegħu

Id-diskors tal-lejla mhux se jkun twil u eżawrjenti. Anzi se nkun konċiż u nagħfas fuq il-punti l-aktar essenzjali f’dan il-perjodu.

Iżda qabel kollox nixtieq nibda billi niskuża ruħi jekk b’xi mod matul l-aħħar 3 xhur kont nieqes fiżikament u dan minħabba mard familjari li bilfors kelli ntih l-attenzjoni massima tiegħi u għalhekk ippruvajt nibbilanċja kemm nista’ bejn il-ħajja privata u dik professjonali.

Dwar il-messaġġ li xtaqt inwassal u wara l-fiduċja sħiħa li tajtuni fit-tmexxija tal-Assoċjazzjoni, flimkien mal-kollegi l-oħra uffiċjali tal-MFA, bdejna naħdmu sabiex dak li kien manifestat fl-ewwel kwart ta’ din is-sena jibda jkun prodott f’ħidma li tolqot l-Assoċjazzjoni u l-membri fil-livelli li nemmnu hemm bżonn nikkonsolidaw, inbiddlu jew saħansitra noħolqu mill-ġdid. Ovvjament l-aspetti strateġiċi minn kważi 5 snin ilu ‘l hawn mexxejna sew fuqhom u llum għandna l-esperjenza ta’ implimentazzjoni li bdiet mis-sena 2020 u li sal-lum ma waqfietx. Ma jfissirx li għamilna kollox tajjeb, jew li kollox mar kif xtaqna, meta nżommu f’moħħna l-għawġ kbir li d-dinja għaddiet u għada għaddejja minnu, pero jkolli niżbilanċja ruħi u ngħid li sar ħafna pożittiv li qed jirrendi.

M’hemmx dubju li jekk irridu nibqaw kompetittivi rridu dejjem nfittxu mhux dak li jagħmilna l-aktar komdi, iżda dak li jagħmilna l-aktar bilanċjat biex nibqgħu attrajenti u l-interess ma jonqosx. Se nkun onest, kultant inħoss li bosta jfittxu wisq dak li jissalvagwardja l-pożizzjoni individwali milli l-interess b’mod kollettiv. U l-interess kollettiv għandu dejjem iħares biex ikollna Assoċjazzjoni trasparenti u demokratika, stabbli u b’saħħitha, kompetittiva u sostenibbli fl-istess ħin. U dan biex nkunu f’pożizzjoni li nissalvagwardjaw l-interessi tagħkom il-membri tagħna. U intom il-membri għandu jkollkom l-istess ħsieb fil-mod kif tirrelataw mal-membri tagħkom. Ħadd m’għandu jippretendi kollox jaqa’ mis-sema anzi kulħad għandu jkun diliġenti fid-deċiżjonijiet li jittieħdu biex fl-immaniġġjar u fl-operat nkunu sostenibbli billi nissodisfaw il-ħtiġijiet tal-preżent mingħajr ma nikkompromettu l-futur għal dawk li ġejjin warajna. Ħafna drabi u minħabba l-emozzjonijiet li jiġru bina jew il-pressjoni li tegħlibna, nispiċċaw nidħlu f’impenji wisq akbar minn dawk li nifilħu għalihom. Dan jgħoddu kemm għalina, kif ukoll għalikom u wisq aktar għall-membri tagħkom li ħafna drabi jobbligawkom jew jippuntaw is-swaba u meta naslu għall-punt kulħadd jagħmel pass lura. Għalhekk tajjeb nagħrfu r-responsabbilta’ tagħna biex l-argumenti u r-rikjesti nagħmluhom b’mod leġittimu u li jirriflettu l-piramida tal-futbol. Ovvjament f’dan il-kuntest il-piramida tal-futbol domestiku.

Fil-ġimgħat li ġejja se jitlaqqa l-ewwel Bord Eżekuttiv għall-istaġun il-ġdid fil-kompożizzjoni kif approvata llejla, fejn se niddiskutu numru ta’ skemi għall-membri, fl-istess waqt għaddejin ukoll b’analiżi dettaljata dwar il-proposti li se jkunu ppreżentati lill-assoċjazzjonijiet membri f’laqgħat matul ix-xahar ta’ Awwissu u kif ukoll se jitlaqqaw l-istanding committees taċ-Challenge League u tan-National Amateur League biex magħhom ikun diskuss il-bidu tal-kompetizzjonijiet domestiċi u temi oħra rilevanti. Bħala aġġornament, tajjeb tkunu tafu li għaddejna l-aħħar abbozz dwar ir-ristrutturar korporattiv tal-klabbs lir-rappreżentanti tal-Gvern Centrali, spjegajna l-istess qafas lill-membri fl-Oppożizzjoni u issa hekk kif jirritorna l-Parlament wara l-vakanzi tas-Sajf, qed nistennew li dan kollu jkun approvat sabiex nagħmlu pass ieħor importanti fl-istrutturi tal-klabbs il-kbar tagħna u fl-istess waqt inkunu wassalna fis-sħiġ ir-riforma tal-Governanza.

Se nerġa’ ntenni dak li issa ilni għal dawn l-aħħar xhur nitkellem fuqu, jiġifieri l-importanza tas-sostenibbilita’ f’dak kollu li niddeċiedu għaliex jekk le ma nkunux amministraturi responsabbli u denji għall-karigi li nirrapreżentaw. Kulħadd jagħti ħafna ħin u enerġija, nifhem l-isforzi huma kbar, imma finalment aħna kollha niġu ġġudikati fuq il-prestazzjoni, in-numri u l-legat li nħallu warajna. Ma rridx noqgħod nidħol fil-mertu imma l-futbol tagħna kemm fuq livell ta’ Assoċjazzjoni u anki membri, mhux paroli u ftaħir bla bżonn irridu imma fatti u deċiżjonijiet bilgħaqal li jwasslu għal żvilupp u ħidma fil-komunita’ biex il-missjoni tal-futbol tibqa’ prijorita’ fil-ħidma tagħna.

Dwar in-nuqqas ta’ kommunikazzjoni fuq livell intern, jiġifieri dak li niddiskutu fil-fora fl-istruttura tal-Assoċjazzjoni u li mhux dejjem jasal għand il-membri kollha jew mhux dejjem jasal kif fattwalment għandu jasal, mill-Bord Eżekuttiv li jmiss se nibdew niċċirkollaw siltiet tat-temi diskussi u d-deċiżjonijiet relatati. B’hekk kull membru anki jekk għandu l-‘groupings’ jew membri oħra eletti jirrapreżentawh, perjodikament ikun mgħarraf bl-aġenda tad-djalogu.

Finalment, l-uffiċjali tal-MFA, bħal dawk kollha fil-politika jew fl-irwoli pubbliċi, ikunu jridu kemm jista’ jkunu jissodisfaw l-esiġenzi tal-membri, jekk qed nitkellmu fuq livell ta’ organizazzjoni, u fil-maġġoranza tad-drabi nippruvaw inkunu kemm jista’ jkun flessibli u disponibbli biex nsibu s-soluzzjonijiet u l-kompromessi, iżda dan mhux askapitu ta’ dak li titlob minnha s-serjeta’ u l-leġittimita f’dak kollu li niddiskutu u nirrapreżentaw. Ikollna ħafna episodji meta l-kwistjonijiet ma jibqgħux loġika iżda jsiru aġenda personali. Dan mhux se naċċettah u nispera li wisq anqas intom ma taċċettawh fl-intern tal-istrutturi tagħkom biex l-ewwel qabel kollox jibqa’ jjirrenja r-rispett personali bejnietna, iżda wisq aktar nibqgħu naħdmu dejjem fir-rigward dovut tal-regolamenti li jmexxuna. Sabiħ li nikkompetu, sabiħ li nkunu avversarji sportivi, iżda l-aktar importanti li nibqgħu nagħrfu l-għanijiet tagħna fil-kollettiv biex dejjem aktar inmexxu l-futbol tagħna ‘l quddiem fl-iżvilupp u l-prestazzjoni.