National Teams
L-ewwel parteċipazzjoni għat-Team Malti U19 fil-kampjonat tal-Futsal
Published: 22-09-2022 10:43
It-Team Nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena dan l-istaġun se jieħu sehem fl-Enemed Futsal League 2022/23.
B’kollox se jieħdu sehem 10 timijiet f’dan il-kampjonat tal-ogħla livell bl-introduzzjoni ta’ dan it-team mill-Malta FA biex ikompli jikber fl-iżvilupp tiegħu.
Dan it-team jinkludi għażla ta’ players ta’ taħt id-19-il sena li se jkunu qed jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni domestika bi preaparazzjoni għal-logħbiet uffiċjali internazzjonali li ġejjin.
L-iskwadra hija magħmula minn 20 player li ġejjin min-nurseries ta’ clubs stabbiliti f'pajjiżna bħal Sliema Wanderers, Balzan, Pietá Hotspurs u Floriana fost oħrajn.
B’kollox it-team kellu seba’ kampijiet ta’ taħriġ biex ikun preparat tajjeb għal din l-iskeda impenjattiva.
Uħud mill-players f’din l-iskwadra dan l-aħħar kienu mpenjati wkoll fit-taħriġ ma’ dik tal-kbar li kienet qed tħejji għall-partita ta’ ħbiberija kontra l-Estonja li se tintlagħab nhar il-ġimgħa li ġej, f’Tallinn.
Din il-preparazzjoni tilħaq il-qofol tagħha fil-parteċipazzjoni għal dawn iż-żgħażagħ fir-Round Preliminari tal-UEFA U/19 kmieni s-sena d-dieħla.
L-istaff tekniku huwa magħmul mill-coach, Carlo Scicluna, l-assistent tiegħu Cedric Sciberras, il-coach tal-goalkeepers Brian Baldacchino u l-kordinatur Hertian Salameh Cachia ... taħt is-sorveljanza tal-Kap tal-Futsal fi ħdan l-Assoċjazzjoni, Mark Marlow.
Sadanittant, qabel ma jingħata bidu għall-kampjonat, l-istaġun tal-Futsal jibda bl-Enemed Futsal Super Cup bejn iċ-champions Luxol St Andrews u r-rebbieħa tan-Knock-Out, l-Universitá, nhar il-Ġimgħa, 30 ta’ Settembru.